Il-Kummissjoni Ewropea approvat fondi għall-istudji dwar il-pipeline tal-gass li se jkun qed isir bejn Malta u Sqallija.
Din kienet waħda minn seba’ azzjonijiet approvati mill-Kummissjoni bl-għan li, fost oħrajn, aktar pajjiżi membri jiproduċu enerġija nadifa.
Fil-fatt il-Kummissjoni Ewropa approvat €600,000 f’fondi li se jkunu investiti fi studju dwar il-pipeline, li jagħmel il-proġett tat-tanker wieħed temporanju.
Minkejja li bosta studji diġa lesti, dawn il-fondi Ewropej huma kruċjali biex tkompli l-ħidma fuq il-proġett tal-enerġija li qed iwassal għal aktar arja nadifa.
Għall-gvern, il-qalba għall-gass hija importanti u għalhekk il-proġett tal-pipeline huwa prijorità.
Il-Kummissjoni Ewropea approvat total ta’ €22.1 miljun li se jiġu allokati għal seba’ azzjonijiet li se jkunu qed jgħinu fl-iżvilupp ta’ trasport aktar sostenibbli u effiċjenti u fl-infrastruttura ta’ enerġija li jinkludu l-proġett tal-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija.
Din hija aħbar tajba oħra wara li l-magni li kienu qed iħaddmu l-power station li taħdem bil-heavy fuel oil intfew biex għalhekk ingħalaq kapitlu ikrah.