Il-Kummissjoni Ewropea saħqet li se tibda inizjattiva biex liġi li addottat Malta bħala l-ewwel pajjiż, fejn tagħmilha illegali li ssir terapija ta’ konverżjoni fuq persuni LGBTIQ+, issir liġi wkoll fuq livell Ewropew.
Kien l-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer fost l-ewlenin ta’ Deputati fil-Parlament Ewropew li ħadem fuq din l-inizjattiva biex tiġi milqugħa mill-Parlament Ewropew u issa l-Kummissjoni Ewropea qed titlob il-firma ta’ miljun ċittadin biex jibda dan il-proċess.
Engerer saħaq li bħala pajjiż, li huwa rinomat fl-għoti tad-drittijiet ċivili sa mill-2013 ’il quddiem taħt tmexxija ta’ Gvernijiet Laburisti, għandu juri jerġa’ messaġġ qawwi.
Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Marc Angel mil-Lussemburgu nnota kif Malta hija pijuniera u kienet l-ewwel pajjiż li fl-2016, fi żmien meta Helena Dalli kienet il-Ministru għall-Ugwaljanza, li addottat liġi li għamlitha illegali li persuna twettaq dik imsejħa bħala terapija fuq persuna LGBTIQ+ biex din tbiddel l-orjentazzjoni sesswali tagħha.
Ewroparlamentari oħra ngħaqdu ma’ Engerer biex dak li daħħlet Malta u warajha ftit pajjiżi oħra issa jkun liġi Ewropea.
Taħt l-amministrazzjoni Robert Abela pajjiżna kompla jkun fil-quċċata fid-drittijiet ċivili u jġib iżjed riformi.
Ewlenin fosthom kien hemm pass ieħor importanti fejn irġiel omosesswali setgħu jibdew jagħtu d-demm u għalhekk tneħħiet diskriminazzjoni oħra.