Fit-tieni jum taż-żjara li qed jagħmel f’pajjiżna l-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura Janusz Wojciechowski seta’ jara r-realtajiet agrikoli ta’ pajjiżna, l-investiment u l-għajnuna tal-Gvern fil-qasam agrikolu u żar numru ta’ bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin.
Akkumpanjat mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, il-Kummissarju Ewropew żar is-settur agrikolu f’Għawdex, fejn hemmhekk iltaqa’ ma’ bdiewa Għawdxin fl-għelieqi u l-irziezet tagħhom, li stqarrew kif fi sfond tal-isfidi li x-xena internazzjonali ġabet fuq is-settur, sabu lill-Gvern li jgħinhom jerfgħu l-piż. Il-Kummissarju Ewropew ikkumplimenta l-impenn tal-Gvern Malti li għen lis-settur f’dan iż-żmien ta’ kriżi permezz ta’ fondi nazzjonali li kkumplimentaw fondi Ewropej.
F’Għawdex, il-Kummissarju Ewropew Wojciechowski żar ukoll fabbrika ewlenija tal-ipproċessar tat-tadam, kif ukoll ra l-popolarità li qed tieħu n-niċċa turistika tal-Agri-Turiżmu f’pajjiżna, partikolarment f’din il-gżira.
Waqt din iż-żjara, il-Ministru Anton Refalo semma u ddiskuta numru ta’ punti ewlenin, fosthom il-ħidma li qed twettaq Malta favur is-sigurtà tal-ikel u l-ġlieda tagħha kontra t-tibdil fil-klima, ir-riforma tal-qbiela, il-proġetti u inizjattivi li jħeġġu prodotti tal-biedja organika u li aktar żgħażagħ jidħlu jaħdmu f’dan il-qasam.
Il-Ministru Refalo rringrazzja lill-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura għal din iż-żjara fejn anke ltaqa’ mal-ħaddiema fis-settur agrikolu fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Huwa tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ dan il-qasam, permezz ta’ għadd ta’ inizjattivi u miżuri li kontinwament jiġu mħabbra favur l-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin.