Il-Gvern Malti se jiddefendi bis-saħħa kollha d-delizzju tal-insib li jiġi pprattikat minn mijiet ta’ Maltin u Għawdxin għal skopijiet ta’ riċerka.
Iddikjara dan il-Ministru Clint Camilleri, li hu politikament responsabbli mill-kaċċa u l-insib f’pajjiżna, fid-dawl li l-Kummissjoni Ewropea fetħet każ kontra Malta fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-Lussemburgu dwar il-programm ta’ riċerka li n-nassaba lokali jagħmlu fuq is-seba’ speċi tal-għasafar tal-għana.
Il-Ministru kien ċar meta tkellem dwar id-difiża ta’ Malta f’din il-Qorti Ewropea.
Qal, “Fis-7 ta’ Marzu se jkun hemm is-smigħ tal-kawża li l-KE fetħet lill-Gvern Malti fejn tidħol id-deroga li l-Gvern qed japplika fl-aħħar snin fejn tidħol ir-riċerka tas-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana, ovvjament il-Gvern Malti se jkun qed jiddefendiha bil-qawwa kollha anke permezz tal-avukati tiegħu u għaldaqsant inħarsu ’l quddiem biex nibqgħu niddefendu d-deroga kif ukoll derogi oħrajn li huma applikati mill-Gvern Malti għal dan is-settur.”
Anke l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, qed tiġġieled biex in-nassaba Maltin u Għawdxin jkunu jistgħu jibqgħu jipprattikaw id-delizzju tagħhom bil-mod tradizzjonali kif jafuh, fejn din l-għaqda kellha anke laqgħa mal-Ministru Camilleri dwar dan.
Fil-fatt, f’kumment ma’ dan l-istazzjon, il-President tal-FKNK, Lucas Micallef, qal li waqt il-laqgħa r-rappreżentanti tal-għaqda komplew ippreżentaw aktar dokumenti, anke xjentifiċi, f’dak li jirrigwarda l-aspett tekniku u prattiku tat-tradizzjoni soċjo-kulturali tal-insib tal-għasafar tal-għana fil-gżejjer Maltin u għalfejn din il-prattika, flimkien mall-esperjenza vasta tan-nassaba u l-iskala pprattikata mal-gżejjer Maltin, hi l-aħjar mezz u soluzzjoni biex tinġabar l-akbar ammont ta’ dejta meħtieġa mir-riċerka.
Qal, “Sfortunatament il-Kummissjoni Ewropea dehrilha li Malta mhux tapplika deroga ġusta f’dak li jirrigwardja l-insib. Din id-darba l-insib qed jittratta riċerka, fil-fatt għall-ewwel darba fl-istorja tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, li qed jiġi trattat hekk. Aħna grazzi għall-affiljazzjoni li għandna fi Brussell, il-FACE, fejn ipprovdejna materjal tekniku bid-difiża ta’ Malta biex proprju nagħmlu dak kollu possibbli biex niddefendu u nissalvagwardjaw l-eluf ta’ membri li għandna magħna.”