Il-Kummissjoni Ewropea approvat l-iskemi ta’ għajnuna finanzjarja mill-Gvern Malti biex jipproteġu l-impjiegi, lin-negozji u dawk li jaħdmu għal rashom, fl-istess waqt li tkun ippreservata l-ekonomija.
Il-Kummissjoni Ewropea approvat il-pakkett ta’ miżuri ekonomiċi ta’ €215-il miljun biex jipprovdi s-suppliment tal-paga lill-impjegati ta’ €800 fix-xahar.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni ddeskriviet il-miżuri bħala meħtieġa, xierqa u proporzjonati, biex jilqgħu għall-impatt fuq l-ekonomija tal-pajjiż.
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri laqa’ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, u ddeskrivieha bħala ċertifikat ieħor għad-deċiżjonijiet ekonomiċi li rriżultaw f’surplus.
Il-Ministru Schembri stqarr: “Issa b’mod uffiċjali l-miżuri li aħna konna qed nipproponu bħala Gvern ġew aċċettati wkoll mill-Unjoni Ewropea u anki l-fatt li rrimarkat li dawn il-miżuri qegħdin fil-fatt isalvaw milli jintilfu l-impjiegi.”
Għaldaqstant, dan jawgura tajjeb biex pajjiżna jerġa’ jibda l-attività ekonomika tiegħu minn pożizzjoni b’saħħitha.
Il-Ministru Schembri sostna: “Issa nibdew niftħu bil-mod hekk kif ituna l-go ahead l-awtoritajiet tas-saħħa, inkunu f’pożizzjoni biex nerġgħu nibdew inqajmu l-ekonomija fuq saqajha u nibdew ir-rankatura tat-tkabbir ekonomiku.”
Ritratt: MEIB