L-Uffiċċju tal-President ingħaqad ma’ bosta li qed juru solidarjetà mal-ħaddiema fl-isptarijiet li bħalissa qed jaħdmu ħinijiet twal, u ’l bogħod mill-familja, biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-Coronavirus f’pajjiżna.
Fil-Kċina tal-Palazz tal-President qed jitħejjew ikliet għall-impjegati tal-Isptar Mater Dei, f’turija ta’ apprezzament lejn l-impenn bla preċedent ta’ dawn il-ħaddiema.
Is-Sur Schembri sostna: “Aħna qed insajru ikel bnin li jvarja minn ħaxix, ross, għaġin u laħam u għall-Għid il-Kbir ħsibna li nippreparaw xi ħelu marbut ma’ dawn iż-żminijiet.”
F’kummenti ma’ ONE News fuq Skype, il-President ta’ Malta George Vella qal li b’dan il-ġest qed jintwera apprezzament lejn dak li ddeskriva bħala “att ta’ erojiżmu” li qed jagħmlu dawn il-ħaddiema.
Il-President George Vella sostna: “Billi wieħed kull darba jgħid, iva napprezzaw u aħna kburin li għandna nies li qed jagħtu das-servizz, ridna b’xi mod nuru b’mod tanġibbli li jinħass, li aħna nixtiequ li dan-nies nagħmlulhom ħajjithom kemm kemm iktar komda. Nafu li ħafna minnhom qegħdin jgħixu barra minn darhom għaliex qegħdin ikunu responsabbli biex ma jmorrux għand il-familji tagħhom u allura nixtieq li b’xi mod nuruhom li hemm min qed jaħseb fihom u qed jgħidilhom grazzi.”
Intant, ix-xahar li għadda, il-President ta’ Malta ddeċieda li hu wkoll jagħti l-kontribut personali tiegħu billi offra l-paga ta’ xahar biex tintuża mill-Gvern fejn meħtieġ f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji li jinsab fihom pajjiżna.
Ritratti: OPR