ONE News jinsab informat li l-bar tal-Każin Nazzjonalista tal-Ħamrun, fejn nhar il-Ħadd li għadda l-Kap Bernard Grech ma tħallix jidħol u sussegwentement seħħ attakk vjolenti fuq partitarju tiegħu, hu kanvasser tal-Eks Viċi Kap u Deputat Nazzjonalista, Mario de Marco.
Fl-aggressjoni, li seħħet waqt il-marċ ta’ San Gejtanu, appena l-Kap Bernard Grech ma tħalliex jidħol fis-sede tal-Partit tiegħu stess ħalliet lil Noel Mifsud Bonnici midrub serjament, tant li kellu jiġi operat fl-Isptar Mater Dei minħabba qtugħ ta’ legaments li sofra f’siequ l-leminija.
Il-midja lokali kollha, ħlief dik tal-PN, irrapportat kif Bernard Grech ma tħalliex jidħol fil-każin. Waqt li ngħad li aktarx seħħ minħabba li l-Kap kien ilu mas-sentejn ma jersaq fil-post, kien hemm min tenna li persuni fil-każin kienu urtati għax De Marco tħalla barra mix-Shadow Cabinet tiegħu.
Il-fatti juru, anke minn dikjarazzjoni ta’ mart ir-raġel ferut, li baqgħu mhux miċħuda, li Noel Mifsud Bonnici kien jeħtieġlu jiġi operat f’irkopptu l-leminija minħabba d-daqqiet li qala’, wara daħal fil-każin tal-Partit Nazzjonalista u argumenta ma’ min għandu l-bar tal-każin u persuni oħrajn li l-Kap kellu dritt ikun hemm ġew.
Mifsud Bonnici, li jirriżulta li hu l-kuġin tal-eks President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fi żmien Lawrence Gonzi u Simon Busuttil, Paula Mifsud Bonnici, ġie aggredit vjolentement u waqt li kien fl-art baqa’ jaqla’ d-daqqiet.
Fl-istess ħin, il-Kap Nazzjonalista ħalla lill-partitarju tiegħu hemm u qasam it-triq għan-naħa l-oħra fejn hemm il-Każin tal-Banda San Ġużepp biex jitla’ fil-gallarija jxejjer waqt li l-folla li kienet qed tiċċelebra biswit il-Knisja.
ONE News jinsab infurmat li l-bar tal-każin Nazzjonalista f’din il-lokalità hu mmexxi minn ċertu Manwel Attard, li kien ix-xufier ta’ Mario de Marco, meta kien Ministru fi żmien l-aħħar Gvern Nazzjonalista. De Marco jiġi elett mill-Ewwel Distrett, li jinkludi wkoll, fost oħrajn, hemm ukoll il-Ħamrun.
Sa nhar il-Ħadd stess, fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, De Marco tella’ ritratt mal-istess Attard quddiem id-daħla tal-każin waqt l-istess marċ ta’ San Gejtanu.
Kien ONE News, nhar it-Tnejn li għadda li rrapporta b’mod esklussiv dwar din il-ġlieda vjolenti.
Fi grupp magħluq ta’ partitarji Nazzjonalisti fuq Facebook, mart Noel Mifsud Bonnici, spjegat dak li ġara u rrimarkat li l-persuna, li “bħalissa għandu dan il-każin f’idejh”, beda joffendi lir-raġel tagħha u wara ġie aggredit minn numru ta’ persuni.
Hi spjegat ukoll li, minbarra, li ħtieġlu jiġi operat f’siequ, żewġha sofra wkoll ġrieħi oħrajn f’ġismu, li se jieħdu l-ġimgħat biex ifiequ.
Il-mara indirizzat lil dawk li aggredew lil żewġha u qaltilhom li messhom jistħu, hekk kif għajrithom kodardi talli tefgħu lil żewġha mal-art u komplew isawtuh.
Dan l-attakk qala’ furur fost il-partitarji Nazzjonalisti u kompla jikxef il-firda li baqgħet tiddomina fost il-fazzjonijiet differenti.
Fost dawn tkellmu dawk tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, li sostnew li ħadd mill-fazzjoni jew mit-tim tiegħu ma kienu involuti f’dan l-attakk vjolenti.
Hawnhekk partitarju mill-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista tenna li “dawk kollha li qed jipprovaw iħammġu u jxewxu biex jagħtu din l-impressjoni, qed jgħinuna biss nidentifikaw min huma verament ix-xewwiexa fil-Partit.”
Sadanittant, erbat ijiem wara l-inċident, baqa’ kien hemm skiet itarrax minn Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista.