Ġie konkluż b’mod definittiv il-proċess tax-xiri tas-sede tal-Għaqda Mużikali San Gejtanu fil-Ħamrun, b’investiment ta’ żewġ miljuni u tmin mitt elf ewro. B’hekk telgħu għal ħdax l-ammont ta’ soċjetajiet mużikali li ġew salvati mill-Gvern fl-aħħar xhur wara li kienu f’riskju imminenti ta’ żgombrament.
Fl-istess waqt, fadal proprjetà oħra li l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, jinsab fuq konvenju mas-sidien privati tagħha.
Dawn it-tnax-il każin kollha kienu f’riskju serju li jittieħdu lill-għaqdiet minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995.
Il-President tal-Għaqda Mużikali San Gejtanu, Nigel Vella, qal li din id-deċiżjoni importanti timxi mal-ħidma ta’ dan il-każin fl-aħħar mija u tmintax-il sena ta’ storja li issa m’għadhomx f’riskju li jintilfu.
“Dak li ġie ffirmat illum hu inkurunazzjoni ta’ ħafna ħidma, ħidma li ilha diversi snin għaddejja li, fl-aħħar mill-aħħar, ħa tfisser li l-Każin San Gejtanu, wara 118-il sena jopera, ħa jibqa’ s-sede tal-Banda San Gejtanu.”
Il-Ministru responsabbli Owen Bonnici qal li s-soċjetajiet mużikali fl-irħula u l-ibliet tagħna għandhom rwol kruċjali fit-trawwim tal-iżvilupp kulturali u l-progress soċjali fost il-familji.
Hu qal li ħafna drabi l-persuni attivisti fi ħdan is-soċjetajiet mużikali jixprunaw l-inizjattivi li jippromwovu l-arti, l-edukazzjoni, il-konservazzjoni ambjentali u l-ġid soċjali fid-diversi komunitajiet.
“Dan hu kollu xogħol li qed isir favur il-festa Maltija, li issa hi wkoll wirt internazzjonali skont kif rikonoxxut mill-UNESCO.”
B’kollox, il-Gvern mistenni jinvesti total ta’ €19-il miljun meta wieħed iqis l-ammont li diġà ġie investit fl-akkwist tal-ħdax-il proprjetà msemmijin u l-ammont li jrid jinħareġ mal-kuntratt finali tal-proprjetà l-oħra li fadal.