B’investiment ta’ €250,000, il-Gvern xtara l-Każin ta’ Marija Reġina fil-Marsa li kien f’riskju, biex b’hekk din saret is-sitt proprjetà li nxtrat mill-Gvern, sabiex tiġi salvata minn riskju serju ta’ żgumbrament.
Dan filwaqt li l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti, jinsabu b’konvenju sabiex jinxtraw sitta oħra.
S’issa diġà ġew salvati każini f’Ħ’Attard, fil-Kalkara, f’Birkirkara f’Raħal Ġdid u f’Tas-Sliema.
B’kollox il-Gvern huwa mistenni, li jinvesti total ta’ dsatax-il miljun ewro fix-xiri tat-tnax-il proprjetà.
Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif il-Gvern ħa l-inizjattiva biex isalva dawn is-soċjetajiet mużikali li huma s-sisien tal-festa Maltija f’kull komunità.
Qal, “Il-Gvern xtara soċjetà mużikali oħra, din id-darba s-soċjetà mużikali Marija Reġina tal-Marsa, biex b’hekk, b’hekk l-ammont ta’ proprjetajiet, li l-Gvern xtara huma sitta u hemm sitta oħra, li qegħdin konvenju. Qed nagħmlu dax-xogħol kollu għax irridu li l-festi Maltin, ikomplu jimxu ‘l quddiem.”
Il-President ta’ dan il-każin, Elton Theuma, qal kif is-soċjetà issa għandha serħan il-moħħ, li mhux se tispiċċa mingħajr każin.
Qal, “Nistgħu ngħidu li dal-każin għandu s-serħan tal-moħħ li jista’ jibqa’ proprjetà mixtrija mill-Gvern u l-kera titħallas mill-Gvern kif ukoll, kif huwa miftiehem.”
Min-naħa tiegħu, id-Direttur għal-Affarijiet Korporattivi tal-Kunsill Malti għall-Arti, Eric Fenech Sevasta, tenna li dan l-investiment hu biss wieħed minn sensiela ta’ passi li ttieħdu biex jiġi assigurat li l-identità u t-tradizzjonijiet Maltin jibqgħu ħajjin.