Il-każin serva ta’ żvog għal persuna li kienet kważi waqgħet b’mod estrem fil-vizzju tad-droga wara li affaċċjat numru ta’ problemi personali u spiċċat waħidha mingħajr ħadd ma jtiha l-għajnuna.
Stqarret dan Tanya Agius Borg fix-xhieda tagħha dwar l-irwol u x’jfisser għan-nies, il-Każin tal-Banda San Gejtanu tal-Ħamrun.
Bħalissa quddiem il-Qorti hemm kawża miftuħa mis-sidien sabiex il-Każin San Gejtanu jittieħed lura. Bħal din il-kawża hemm numru oħrajn ta’ każini li huma wkoll fil-periklu li jintilfu.
Tanya Agius Borg qalet li dan iż-żagħżugħ, li mhux mill-Ħamrun, kellu numru ta’ problemi personali u bis-saħħa u l-insistenza ta’ ħbieb tiegħu fl-Għaqda stess, kien jinżel il-każin jgħaddi ftit ħin jilgħab fuq l-American Pool u jgħin fl-armar u l-affarijiet l-oħra u dan sabiex ma jitħalliex waħdu. Illum il-ġurnata dan il-persuna għandu ċertu stabbilità f’ħajtu.
Agius Borg spjegat kif il-każin mhuwiex sempliċiment post fejn ikun mimli bin-nies fil-festa, iżda post fejn ħafna jsejħulu d-dar tagħhom, hekk kif kull min ikun attiv sena sħiħa, jispiċċa familja waħda kbira u magħquda.
Xehed ukoll ħu Agius Borg, Jonathan Borg li huwa s-Surmast tal-istess Għaqda tal-Mużika San Gejtanu.
Huwa tenna li bħal ħafna mużiċisti oħra f’pajjiżna beda l-istudji mużikali tiegħu, mingħajr ħlas, fil-każin u llum il-mużika hija l-professjoni tiegħu fejn wara li kiseb numru ta’ ċertifikati, u ħa taħriġ f’Malta kif ukoll f’barra, fosthom fl-Istati Uniti, illum l-istess Borg huwa wkoll is-Surmast Direttur tal-Banda tal-Forzi Armati.
Is-Surmast Borg saħaq li l-każini għandhom irwol importanti fit-tagħlim tal-mużika u dan it-tagħlim għadu jingħata b’xejn. Huwa saħaq ukoll li matul is-sena jsiru numru ta’ kunċerti mill-Banda li d-dħul tagħhom huwa mingħajr ħlas u stqarr li f’ħafna minn dawn l-attivitajiet anke jinġabru fondi għall-Għaqdiet filantropiċi.
Xhieda oħra li kien hemm illum kienet ta’ Ruth Portelli li hija waħda mill-membri li tmexxi s-sezzjoni tat-tfal fl-istess Għaqda u semmiet numru ta’ każijet soċjali li fihom il-Każin kien strumentali sabiex jgħin fosthom fl-inklużjoni ta’ tifel b’diżabilità li ma kienx milqugħ f’istituzzjonijiet oħra u tifla li kienet tweġġa’ lilha nnifisha għax kienet għaddejha minn sitwazzjoni iebsa f’darha.
Portelli qalet li dawn il-każijiet kienu integrati fil-ħajja tal-grupp tat-tfal fil-każin u t-tfal spiċċaw ġew mgħejjuna billi kienet murija lilhom l-imħabba u l-għożża.