In-numru ta’ każijiet ikkonfermati ta’ Coronavirus madwar id-dinja qabeż il-mitejn elf. Minnhom, 8,000 kienu fatali.
Il-pajjiż minn fejn oriġina l-virus, iċ-Ċina, għadu fil-quċċata tal-lista tal-aktar pajjiżi milquta. Isegwih hemm l-Italja, li fl-aħħar jiem kompla jara żieda fin-numru ta’ każijiet u mwiet. Il-każijiet fatali fl-Italja qabżu l-2,500.
Fl-aħħar żviluppi mill-Italja, il-Ministru tat-Trasport qal li l-lockdown eżistenti fil-pajjiż jista’ jiġi estiż għal wara t-3 ta’ April jekk is-sitwazzjoni tippersisti.
Spanja għalqet il-lukandi kollha hekk kif in-numru ta’ każijiet f’dan il-pajjiż issa qabeż il-ħdax-il elf u huwa t-tieni l-aktar pajjiż milqut fl-Ewropa.
Fir-Renju Unit ġew irrappurtati aktar minn 700 każ fl-aħħar 24 siegħa, u l-iskejjel fl-Iskozja u f’Wales ukoll se jagħlqu.
F’aktar sforzi biex tiġi kkontrollata din l-imxija, il-President Amerikan Donald Trump u l-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau qablu li jingħalqu l-fruntieri bejn l-Istati Uniti u l-Kanada għall-ivvjaġġar mhux urġenti. Dan ġie maqbul sigħat qabel feġġ l-ewwel każ fl-istat Amerikan ta’ West Virginia, biex issa kull stat Amerikan intlaqat minn din il-marda.
Fuq Twitter, il-Presidet Trump qal li l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi mhux se jkun affettwat.
Bosta pajjiżi Ewropej ukoll qed jagħlqu l-fruntieri wara li l-Unjoni Ewropea waqqfet l-ivvjaġġar bla bżonn għat-tletin jum li ġejjin.
It-tifqiegħa tal-coronavirus kompliet taffettwa bosta avvenimenti madwar id-dinja, bl-aktar riċenti li ntlaqtu huma l-Glastonbury festival u l-Eurovision Song Contest.
L-akbar festa ta’ mużika fl-Ewropa, li kellha ssir f’Rotterdam fl-Olanda fis-sittax ta’ Mejju li ġej, tħassret.
Dan il-festival iġib flimkien taħt saqaf wieħed mas-16,000 persuna.
Il-bord tal-organizzaturi tal-akbar serata mużikali fl-Ewropa wasal għal din id-deċiżjoni wara li l-Gvern Olandiż waqqaf attivitajiet tal-massa biex inaqqas iċ-ċans li jinfirex il-virus.
Biex b’din id-deċiżjoni, l-2020 se tibqa’ mnaqqxa fl-istorja bħala l-ewwel sena li fiha ma sarx il-Eurovision Song Contest.