Espert mediku Ingliż saħaq li ż-żieda fil-każijiet ta’ Covid-19 fir-Renju Unit ma waslitx għax il-virus reġa’ qed jgħolli rasu imma għax ġew implimentati sistemi avvanzati ta’ testing li jfittxu aktar każijiet.
Fil-fatt, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika Ingliż jgħid li f’din l-aħħar ġimgħa, iċ-ċans li persuna tlaqqat il-virus fir-Renju Unit kien biss ta’ 44 minn miljun. Dan filwaqt li ċ-ċans li wieħed jitlef ħajtu kawża tal-virus huwa ta’ 1 minn 2 miljun.
Fid-29 t’Awwissu persuna waħda f’pajjiż b’popolazzjoni ta’ 67 miljun ruħ, tilef ħajtu kawża tal-virus.
Iċ-ċifri mill-istess uffiċċju juru wkoll li ta’ kuljum qed ikun hemm bejn 1,200 u 4,200 każ, b’ħafna mill-persuni li jlaqqtu l-virus ma jbatu mill-ebda sintomi.
Fid-dawl ta’ dan il-Professur Carl Heneghan li huwa wkoll id-Direttur għaċ-Ċentru tal-Mediċina abbażi tal-Evidenza, saħaq li huwa kruċjali li l-pajjiż jirritorna lura għan-normalitá peró b’kawtela.
Dan għaliex Heneghan qal li minkejja żieda fil-każijiet qed ikun innutat li hemm żieda drastika ta’ każijiet f’persuni b’sistema munitarja b’saħħitha u b’hekk mhux qed jidhru sintomi fil-każijiet pożittivi.
Huwa qal ukoll li ż-żieda fil-każijiet hija waħda stabbli.
Il-Professur minn Oxford saħaq ukoll li fid-dawl ta’ dan, il-Gvern Ingliż għandu jibgħat messaġġ b’saħħtu li r-riskju biex wieħed ilaqqat il-virus huwa baxx anke fid-dawl tal-fatt li l-pajjiż huwa iktar preparat sabiex jiġġieled dan il-virus.
Madankollu rrimarka kif din hija normalità ġdida u b’hekk il-poplu għandu jżomm mal-linji gwida mill-awtoritajiet ta’ saħħa u jżomm id-distanza soċjali.