Fl-ewwel disa’ xhur tas-sena, il-Pulizija rnexxielha tnaqqas kważi bin-nofs il-każijiet ta’ pickpocketing f’pajjiżna. Ċifri li kiseb ONE News juru li fl-ewwel disa’ xhur tas-sena seħħu 953 każ ta’ pickpocketing. Dan ifisser tnaqqis ta’ 48% meta mqabbel mal-istess xhur is-sena li għaddiet meta seħħu kważi d-doppju tal-każijiet.
Iċ-ċifri juru li l-vittmi tal-‘pickpocketing’ naqsu kull sena fl-aħħar sentejn, iżda qatt b’mod daqshekk drastiku!
L-Ispetturi Kurt Zahra u Jonathan Ransley jattribwixxu dan it-tnaqqis għall-bidla fl-operat tal-Pulizija biex tinvestiga dan is-serq, fejn ma baqgħetx imwaħħla ma’ sistemi tradizzjonali.
“Ovvjament jekk għandna reat li llum qed jixel bozza ħamra qed naħdmu fuqu u nadattaw ix-xogħol tagħna fuq dan it-tip ta’ reat, u għalhekk ‘il quddiem jirriżulta fi tnaqqis f’dak ir-reat bħal ma ġara fis-serq”, qal l-Ispettur Zahra.
L-Ispettur Jonathan Ransley jgħid li dan it-tnaqqis qed iseħħ bi strateġija li bdiet tiġi implimentata b’suċċess is-sena l-oħra:
“Dan ir-reat kien qed jiġi monitored mill-Għassa ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan, fil-fatt kellna xi riżultati pożittivi mhux ħażin u konna kuntenti bl-ammont ta’ arresti li kellna. Din is-sena dan il-proġett għamilnih fuq skala akbar u ssieħbu fih l-għases tal-Mosta, Marsaxlokk u l-Belt” qal l-Ispettur Ransley.
Ta’ kuljum pulizija pajżana qed jissorveljaw għadd ta’ postijiet fejn iseħħ dan ir-reat ewlenin fosthom karozzi tal-linja, clubs u diversi postijiet turistiċi oħra. Ħidmet il-pulizija wasslet biex fl-aħħar xhur għadd ta’ persuni tressqu l-Qorti u kkundannathom piena ħarxa, inkluż ħabs.
“Il-Qrati qed jagħtu sentenzi ta’ ħabs effettiv, allura dak li jkun jgħidlek ħa mmur Malta u neħel il-ħabs? Allura qed noħolqu ċertu biża milli jiġu f’pajjiż li qed jattakka dan ir-reat”, kompla l-Ispettur Jonathan Ransley.
L-Ispettur Kurt Zahra mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali jgħid li fil-biċċa l-kbira persuna li twettaq dan is-serq ikunu għamluh drabi oħra f’pajjiżi differenti. Filfatt din il-ġlieda qed tittieħed b’serjeta’ fuq livell Ewropew.
“Il-mod kif iġġilidna r-reat u r-riżultat li ħadna mill-mod kif qed niġilduh u nipprevenjuh kien wieħed ta’ suċċess, dan anke meta kumparat ma’ pajjiżi Ewropej u dan tirrifletih l-istatistika stess”, temm jgħid l-Ispettur Zahra.
Fost il-pariri li taw lil persuni li jispiċċaw vittma ta’ dan ir-reat, l-Ispetturi appellaw biex jinżammu ċertu dettalji bħal pjanċa tal-karozza tal-linja li jkun fuqha u l-ismijiet tal-ħwienet li jkunu daħlu fihom.