Il-Maġistrat ordnat li l-każ taż-żewġ qassisin mixlija b’abbuż u stupru t’abbati jkompli jinstema’ fil-magħluq.
Meta t-Tnejn filgħodu kompla jinstema’ l-każ, sar magħruf li l-imputat se jidhru quddiem il-Maġistrat Bridgette Sultana u mhux aktar quddiem il-Maġistrat Monica Vella.
Fil-bidu tas-seduta, l-Avukati Difensuri talbu sabiex is-smigħ jibda jinstema’ fil-magħluq minħabba l-integrità kemm tal-allegat vittma kif ukoll tal-imputati nfushom.
It-talba ma sabitx l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni u l-Parte Civile.
Għal ftit minuti l-Maġistrat Sultana rtirat mill-awla fil-Qorti t’Għawdex u daħlet lura bid-deċiżjoni li l-każ ikompli jinstema’ fil-magħluq.
Fl-awla, quddiem membri tal-kleru Għawdxi, qraba tal-akkużati, membri tal-midja kif ukoll l-allegat vittma nnifsu, il-Maġistrat talbet ukoll sabiex jiġi projbit il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-imputati.
Fis-seduta tat-Tnejn xehdu l-Arċipriet tax-Xagħra Mons Karm Refalo li ppreżenta dokumenti tas-servizz tal-abbatini.
Iż-żewġ saċerdoti nżammu arrestati u ONE News huwa infurmat li fil-Qorti mistenni titla’ persuna li se tixhed kif wieħed mill-qassisin allegatament kien ukoll itiha fastidju.
B’dan il-każ kien infurmat ukoll Kap ta’ Skola.
ONE News kien żvela wkoll li l-Qorti Kriminali f’Malta ppreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, kienet ċaħdet l-ewwel talba għall-ħelsien mill-arrest tal-qassisin.
Fis-seduta ta’ qabel tat-Tnejn, fil-Qorti t’Għawdex kien xehed l-Isqof t’Għawdex Anton Teuma, li ftit tal-jiem ilu f’ittra miftuħa talab skuża lil kull mim safa’ vittma ta’ abbuż.
Fl-ewwel seduta f’Jannar li għadda xehed l-allegat vittma, li rrakkonta kif wieħed mill-qassisin allegatament abbużah sesswalment kemm fil-konfessjonarju kif ukoll fis-sala kapitulari tal-Bażilika tax-Xagħra.
L-allegat vittma xehed ukoll taħt ġurament li l-qassis l-ieħor stuprah fid-dar tiegħu kif ukoll fil-karozza, fid-dawl tax-xemx, fil-kampanja.