Muhammed Saleem instab ħati ta’ negliġenza u nuqqas ta’ attenzjoni, f’każ li jmur lura kważi tliet snin, u li fih tifel ġarrab ġrieħi gravi f’wiċċu wara li ġie attakkat minn tigra.
Kien f’Novembru tal-elfejn u ħmistax meta f’Montekristo, f’Ħal Farruġ, tifel ta’ sentejn flimkien mal-ġenituri kienu qed iżuru l-park.
Fil-Qorti ntqal kif Saleem, impjegat ta’ Polidano Group, ħareġ lit-tigra, waħda mill-annimali eżotiċi f’dan il-park, għal dawra biċ-ċinga, meta t-tigra għaddiet minn ħdejn it-tifel u attakkatu. Dan b’konsegwenza li t-tifel, Ayden Cordina, ġarrab ġrieħi gravi f’wiċċu.
B’dan il-każ, mismugħ mill-Maġistrat Joe Mifsud, tressqu bħala akkużati wkoll Charles Polidano, u Michael Mercieca. Polidano waħdu ġie akkużat li rabba annimali li mhux sippost jitrabbew f’Malta, u li kellu dawn l-annimali mingħajr liċenzja. Madanakollu, hu ġie liberat minn kull akkuża, anke dik ta’ negliġenza u traskuraġni dakinhar tal-inċident.
Intant fil-Qorti intqal ukoll kif il-familja Cordina ma xtaqitx tipproċedi kriminalment kontra t-tliet akkużati, hekk kif intlaħaq ftehim barra l-Qorti, fejn il-familja ġiet imħallsa għad-danni.
B’hekk il-Qorti, wara li ħelset lil Polidano u Mercieca minn kull akkuża, sabet lil Saleem ħati ta’ traskuraġni, fejn ġie illiberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin. Dan waqt li ġie ordnat iħallas tliet mija u tmenin ewro.