Il-ġimgħa li għaddiet, irrapportajna li ttieħdu passi legali fil-konfront ta’ persuna li injorat it-twissijiet tal-Pulizija u xerrdet filmat ta’ koppja tagħmel atti sesswali f’karozza.
Waqt il-programm Pjazza, l-avukat tal-vittmi, Andy Ellul, qal li fis-sigħat li ġejjin se tkun ippreżentata kwerela oħra. Dan biex il-Pulizija ma jinvestigawx biss l-użu ħażin ta’ kompjuters u mowbajls, li minnha nfisha tfisser piena ta’ erba’ snin ħabs u multa ta’ €23,000, iżda tinvestiga wkoll taħt l-att dwar it-telekomunikazzjoni. Jekk jinstab li jkun inkiser dan l-att, hemm multa oħra ta’ €23,000.
L-avukat saħaq li l-poplu għadu ma fehemx il-konsegwenzi legali li dan it-tip ta’ filmat ikun imxerred. Forsi fehem biss li t-tixrid ta’ porn iwassal għal sentejn priġunerija, però hemm ħafna iktar konsegwenzi legali. Dik il-persuna li xerrdet il-filmat minkejja l-avviżi tal-Pulizija, per eżempju, esponiet lilha nfisha kemm kriminalment kif ukoll ċivilment.
L-avukat qal li qed isib appoġġ sħiħ mill-Pulizija minn diversi taqsimiet. Dwar il-koppja, qal “trid tarahom quddiemek biex tapprezza minn xiex għaddejjin”. Spjega li trawma bħal din tinħass sew mill-familja estiża kollha u mill-ħbieb.
Għalhekk spjega li mhux l-għan li tinxtered l-idea li dan huwa xi stat polizjesk, iżda l-iskop tal-klijenti tiegħu huwa li tinstab il-persuna li kellha l-ħsieb malizzjuż oriġinali, u li għamlet share għall-ewwel darba.
“Dak se jkollu jaffaċja l-konsegwenzi” tenna l-avukat Ellul.