Il-każ kontra Daniel Muka, akkużat bil-qtil ta’ Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski ġewwa tas-Sliema fl-2020 ġie pospost sakemm tiġi rregolata l-kwistjoni mal-avukati wara li l-akkużat ipprova jqabbad avukat ġdid mingħajr ma jħallas lil dak preċedenti.
L-Avukat Noel Bianco, li rrappreżenta lil Muka matul dawn is-sentejn qal lill-Qorti li filwaqt li ried li l-każ ikompli xorta jistenna li jitħallas għas-servizzi tiegħu.
L-uffiċjal tal-Etika fi ħdan il-Kamra tal-Avukati, l-Avukat Keith Borg ġie msejjaħ quddiem il-Maġistrat Nadine Lia meta l-każ kompla dalgħodu.
Borg spjega li kienet ir-responsabilità tal-avukat il-ġdid li jaċċerta li l-ispejjeż li kellu l-akkużat mal-avukat preċedenti ġew imħallsa qabel ma’ ħa il-każ f’idejh.
Huwa qal li din tinsab fil-kodiċi tal-etika.
Il-Qorti ddeċidiet li minħabba li l-avukat il-ġdid Daniel Attard ma jistax jaqdi dmirijietu b’mod effettiv bħala avukat, din il-kwistjoni għandha tiġi diskussa mill-Kumitat għall-Avukati u Prokuraturi Legali għal deċiżjoni.
Il-Maġistrat Lia osservat li din il-kwistjoni ilha pendenti għal aktar minn xahrejn.
Fil-Qorti ntqal li riżultat ta’ teknikalitajiet b’rabta mad-difiża ta’ Muka, jista’ jkun li jilħaq jgħaddi il-perjodu sakemm jitpoġġa taħt kap t’akkuża u allura ikun iżjed faċli biex l-akkużat jingħata l-libertà proviżorja.
Ġewwa l-awla kien hemm preżenti ħu wieħed mill-vittmi.
Huwa indirizza lill-Maġistrat u qalilha “Int se toqtol lil ommi u lil missieri jekk jinħeles”.
Il-Maġistrat Lia injorat ir-reazzjoni tar-raġel u ordnatlu joħroġ mill-awla filwaqt li saħqet mal-avukati dwar l-urġenza tas-sitwazzjoni.