Il-każ dwar it-talba għall-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti taż-żagħżugħ Daniel Joe Meli se jerġa’ jinstema’, wara li l-Gvern għadda liġi ġdida marbuta mal-estradizzjoni.
Dan l-iżvilupp seħħ wara li l-ġuvni, permezz tal-Avukat tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio kien aċċetta talba tal-Qorti Amerikana biex jiġi estradit b’rabta ma’ allegat reat dwar tixrid ta’ malware.
Fl-Amerka hu kien qed jiffaċċja sentenza sa għomor il-ħabs, xi ħaġa li, fi kliem il-ġenituri taż-żagħżugħ stess li tkellmu mal-MaltaToday, kienet ferm differenti minn dak li kien indikalhom Dr Joe Giglio.
Meli, jinsab mixli b’reati relatati mal-użu ħażin tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-internet, bejgħ ta’ malware illegali fuq id-dark web, kif ukoll servizzi ta’ mentoring fuq dak li jissejjaħ ‘Hack Forum’. Hu kien arrestat f’operazzjoni tal-Pulizija Maltija, assistiet minn investigazzjoni tal-FBI.
Wara dan, il-Qorti wkoll kienet laqgħet it-talba biex Meli jiġi estradit lejn l-Istati Uniti, anke jekk l-avukati l-ġodda tiegħu, Arthur Azzopardi u Franco Debono, qalu li meta ta l-kunsens tiegħu ma kienx fi stat ta’ saħħa mentali tajba.
Madankollu f’rikors, li ressqet mill-ġdid, id-difiża talbet lill-Qorti biex tannulla d-dikjarazzjoni magħmula minnha fil-proċeduri ta’ estradizzjoni quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, xi ħaġa li issa ġiet aċċettata mill-Qorti tal-Appell Kriminali.