Il-każ tal-bouncers li dehru fuq filmat isawtu bla ħniena persuna f’Paceville se jibda jinstema’ lejliet Santa Marija wara li fl-aħħar jiem il-pulizija ħarġu l-akkużi formali.
Fl-14 ta’ Awwissu sitt persuni se jkunu mitluba jwieġbu quddiem il-Qorti, meta dakinhar tibda l-kumpilazzjoni f’każ fejn se jkunu akkużati li kkaġunaw feriti ta’ natura gravi fuq żewġ persuni ta’ nazzjonalita barranija bl-isem ta’ Sami Mahmoud Ahmad Al Smadi u Ali Alhasan. Fost l-erba’ akkużi fil-konfront tagħhom hemm dik li qajjmu rewwixta jew ġlieda bi ħsieb li jagħmlu omiċidju.
Huma jinsabu akkużati wkoll li ħadmu bħala aġenzija ta’ gwardjani privati u offrew is-servizz tagħhom mingħajr ma’ kellhom liċenzja skont il-liġi.
L-akkużati huma Simon Cassar, William u Briguglio, Carmelo Zammit, Carmel u Jurghen Sghendo u Eżekiel Gorg Mintoff. L-etajiet tagħhom ivarja bejn 23 sena u 53 sena.
Dan il-każ li jmur lura għal lejl tal-21 ta’ Mejju ħa żvolta ġdida meta fl-aħħar jiem l-istazzjon nazzjonali xandar filmati tal-każ. Filmati li xxokjaw lill-bosta fejn wara argument fil-bieb ta’ stabbilimenti dawn il-bouncers dehru jsawtu mingħajr ħniena liż-żewġ persuni, Sirjan ta’ 29 sena u Ġordaniz ta’ 33 sena. Saħansitra ieħed minnhom kien fil-periklu li jitlef id-dawl ta’ għajnejh.
Il-filmat ittieħed minn kamera tas-sigurtà fi Triq San Ġorg Paceville u juri lill-vittma mixħut malart għal ħabta tas-sitta ta’ filgħodu meta seħħ il-każ.