L-Unjoni Ewropeja qalet lir-Russja li l-fatt li Alexei Navalny spiċċa l-ħabs se jwassal biex ir-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u r-Russja jmorru għall-agħar.
Ir-rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Josep Borrell iltaqa’ mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu Sergei Lavrov f’Moska.
Sigħat wara din il-laqgħa, ir-Russja keċċiet diplomatiċi Ġermaniżi, Żvediżi u Pollakki talli ħadu sehem f’protesti illegali favur Navalny.
Intant kelliema għal Ministeru tal-Affarijiet Barranin Żvediż ċaħdet li xi diplomatiċi minn tagħha pparteċipaw f’xi dimostrazzjonijiet.
Navalny tfaċċa lura fil-Qorti akkużat li għajjar veteran tat-Tieni Gwerra Dinjija fejn deher f’filmat favur Putin.
Navalny kien akkuża lill-President Vladimir Putin li kien hu li ordna l-ivvalenar tiegħu bin-Novichok.
Navalny weħel tliet snin u nofs ħabs wara li nstab ħati li kiser il-kundizzjonijiet marbuta ma’ sentenza sospiża imposta fuqu fl-2014 dwar frodi.
Id-difiża ta’ Navalny argumentat li l-klijent tagħha kien qed jirċievi kura f’Berlin biex isalva ħajtu wara li ġie vvalenat.
Intant eluf ta’ dimostranti favur l-akbar kritiku tal-Kremlin ġew arrestati wara li Navalny ġie kkundannat għall-ħabs.