L-MEP Miriam Dalli tappella għall-pjattaforma waħda biex f’dawn il-każijiet l-informazzjoni mill-awtoritajiet Nazzjonali tgħaddi direttament għand il-Kummissjoni
Hekk kif il-każ ta’ bajd ikkontaminat bil-pestiċida Fipronil infirex ma’ xejn anqas minn 24 pajjiż, il-Parlament Ewropew poġġa pressjoni fuq il-Kumissjoni Ewropea biex taġixxi b’serjetà u taċċerta s-saħħa tal-bniedem u s-sigurtà tal-ikel.F’isem is-Soċjalisti u Demokratiċi, l-MEP Miriam Dalli talbet lill-Kummissarju Vytenis Andriukaitis jgħid x’passi se tieħu l-Kummissjoni Ewropea biex ikun hemm pjattaforma waħda ħalli f’każijiet bħal dawn l-informazzjoni li jkollhom l-awtoritajiet nazzjonali tgħaddi immedjatament lill-Kummissjoni Ewropeja.
Il-każ Fipronil ħasad lil ħafna hekk kif sar magħruf li l-awtoritajiet fl-Olanda kienu ilhom jafu minn Novembru 2016 li kien qed jintuża l-pestiċida Fipronil fil-farms tat-tiġieġ u ma qalu lil ħadd.
Agħar min hekk f’Ġunju ta’ din is-sena fil-Belgju nstab bajd ikkontaminat bi traċċi ta’ dan il-pestiċida u l-awtoritajiet tal-pajjiż damu xhur biex infurmaw lill-Kummissjoni Ewropea.
L-MEP Maltija Miriam Dalli qalet li din hi sitwazzjoni inaċċetabbli. F’isem il-grupp politiku tas-Soċjalisti u Demokratiċi, Dalli sostniet li l-awtoritajiet Ewropej iridu jaġixxu b’mod serju u efettiv għax ħafna nies daħlilhom dubju serju dwar is-sigurtà tal-ikel li qed jieklu.
“Għalija m’huwiex aċċettabbli li jkun hemm nuqass ta’ informazzjoni f’waqtha u nuqqas ta’ trasparenza. Mhux aċċettabbli li l-Istat Membru li fih beda l-każ, kien ilu jaf ix-xhur b’dan il-każ u żamm kollox sigriet, bl-iskuża li kienet qed issir investigazzjoni,” sostniet Dalli.
Miriam Dalli qalet li ma jistax jkun li pajjiż wieħed jieħu deċiżjoni li setgħet affetwat ferm aktar serjament is-saħħa pubblika tan-nies fl-Istati Membri kollha.
Dr Dalli qalet li filwaqt li qed jingħad li f’dan il-każ ir-riskju fuq is-saħħa tal-bniedem huwa wieħed baxx ħafna, irid ikun aċċertat li s-sistemi li jeżistu jkunu verament jaħdmu kif suppost, biex każi bħal dawn jitwaqfu mal-ewwel u ma jitħallewx jinfirxu.
Minn naħa tiegħu l-Kummissarju Ewropew qal li talab lill-Ministri tal-Biedja fil-pajjiżi l-agħar milquta biex jaraw is-sitwazzjoni u jinvestigaw x’ġara eżatt biex minn hemm jittieħdu l-passi li jmiss.