Il-Kumitat tal-Ministri fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa ddikjara li ma jara ebda raġuni li għandu jieħu miżuri addizzjonali kontra Malta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-allegazzjonijiet tagħha dwar ħasil ta’ flus. Fl-istess waqt sostna li jinsab fiduċjuż mill-azzjonijiet li qegħdin jieħdu l-awtoritajiet Maltin.Il-kumitat tal-Ministri qal dan b’risposta għal mistoqsija li saritlu mill-ewroparlamentari Olandiż Pieter Omtzigt f’Jannar li għadda.
Omtizgt li huwa membru tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li fih imsieħeb il-Partit Nazzjonalista rrepeta l-allegazzjonijiet ta’ Caruana Galizia u staqsa x’passi se jkun qed jieħu l-Kunsill tal-Ministri fil-konfront tal-awtoritajiet Maltin dwar dak li sejjaħ nuqqas tal-Pulizija Maltija li tinvestiga ħasil ta’ flus minn uffiċjali Maltin u nuqqas skont hu tal-Gvern li jipproteġi lil Caruana Galizia u lil whistleblowers.
Fi tweġiba tiegħu, il-Kunsill tal-Minsitri li jiġbor fi ħdanu l-Ministri tal-Affarijiet Barranin ta’ sebgħa u erbgħin pajjiż Ewropew wieġeb li l-allegazzjonijiet li għamel referenza għalihom l-ewroparlamentari tal-PPE, jinsabu soġġetti għal inkjesta ġudizzjarja.
Qal li delegazzjoni li kienet f’Malta f’Novmebru li għadda diġà provdiet l-informazzjoni darbtejn dwar il-passi li ħadu l-awtoritajiet Maltin u r-riżultati li kisbu s’issa dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.
Dwar l-allegazzonijiet ta’ Caruana Galizia, il-Kumitat wieġeb li bħalissa qed isiru l-investigazzjonijiet neċessarji minn awtoritajiet ġudizzjarji indipendenti u b’koperazzjoni sħiħa mal-mekkaniżmi kollha kompetenti tal-Kunsill tal-Ewropa.
Żied jingħad li dawn esperimew l-impenn tagħhom li jżommu lill-Kumitat tal-Ministri informati b’mod sħiħ bil-konklużjonijiet kollha tal-investigazzjonijiet tagħhom.
Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, il-Kunsill tal-Ewropa li l-ħidma tiegħu tinkludi l-ħarsien tal-jeddijiet tal-bniedem, ir-rule of law u d-demokrazija qal li ma jara ebda raġuni li jieħu miżuri addizzjonali dwar Malta.
Qal li jinsab fiduċjuż li l-awtoritajiet Maltin se jkomplu jagħmlu użu b’mod xieraq tal-metodi u l-mekkaniżmi disponibbli kollha kemm fil-Kunsill tal-Ewropa u kemm fuq livell nazzjonali b’rispett sħiħ lejn il-valuri fundamentali u l-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa.