Il-każ Capital One, fejn jissemma b’mod prominenti l-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, se jispiċċa investigat mill-Europol, l-aġenzija Ewropea tal-Infurzar tal-liġi u li tinvestiga l-kriminalità internazzjonali u t-terroriżmu.
Il-każ se jispiċċa għandhom anke riżultat taż-żjara tal-kumitat Pana, tal-Parlament Ewropew, f’Malta. Beppe Fenech Adami kien wieħed minn dawk imsejjħa biex jidher quddiem dan il-kumitat u l-każ tiegħu ssemma mhux biss meta kellu jiffaċja l-kumitat hu iżda anke f’laqgħat oħra, fosthom mal-ġurnalisti. Kienet il-Membru tal-Parlament Ewropew Ana Gomes li ħasset li għandha tieħu dan il-każ għand il-Europol wara ġurnata ta’ laqgħat f’pajjiżna u wara li saħansitra semgħet lil Fenech Adami jixhed.
Kien hawn li Gomez qalet li hemm bżonn li l-każ ikun investigat mill-Europol. F’dan il-każ Beppe Fenech Adami kien direttur ta’ Baltimore Fiduciary, li kienet responsabbli mill-affarijiet ta’ Capital One. Capital One spiċċat investigata b’rabta’ ma’ ħasil ta’ flus bil-benefiċjarji tagħha suspettati wkoll f’każi marbuta ma’ droga. Il-każ spiċċa fl-aħbarijiet meta sar magħruf li l-investigazzjoni f’pajjiżna twaqqfet wara li tfaċċa isem ta’ persuna esposta politikament, li ma kien ħadd għajr Beppe Fenech Adami.