L-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika kompla jirrapporta ċifri pożittivi dwar il-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna.
Ċifri dwar il-finanzi tal-Gvern għat-tielet kwart tas-sena juru surplus ta’ sebgħa u ħamsin miljun u erba’ mitt elf ewro. Bilanċ li hu fl-istess ilma tat-tliet xhur ta’ qabel meta l-Gvern irreġistra surplus ta’ kważi €60 miljun fil-fond konsolidat.
Iċ-ċifri juru li bejn Lulju u Settembru li għadda, id-dħul tal-Gvern kien jammonta għal €1,200 miljun li huwa kważi erba’ miljun inqas mill-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Min-naħa l-oħra, in-nefqa tal-Gvern kienet tammonta għal €1,158 miljun, jiġifieri żieda ta’ kważi €52 miljun ewro meta mqabbel mal-istess tliet xhur tal-2018.
L-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika żied jgħid li sal-aħħar tas-Settembru li għadda, id-dejn kien jammonta għal ftit aktar minn €5,600 miljun.
Joħroġ ukoll li d-dejn tal-entitajiet li huwa ggarantit mill-Gvern kienu jammonta għal ftit aktar minn €1,070 miljun, tnaqqis ta’ 14-il miljun meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel.