Ilbieraħ ingħata l-aħħar tislima l-Gran Prijur ta’ Ruma tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, il-Kavallier Malti Fra’ John Edward Critien, wara li nhar is-Sibt ħalla din id-dinja fl-età ta’ 73 sena.
Il-funeral tiegħu sar f’Ruma u preżenti għal din l-aħħar tislima kien hemm il-Logutenent tal-Gran Mastru, Fra’ John Dunlap, flimkien mal-qraba tal-Kavallier Malti u l-Kunsill tat-tmexxija tal-Ordni ta’ San Ġwann. Kien hemm ukoll nies li ħadmu qribu f’Malta, fosthom il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni Militari Sovrana ta’ Malta, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata.
Waqt din l-aħħar tislima ġew imfakkra l-45 sena ta’ Fra’ Critien, li fihom ta servizz lill-Ordni ta’ San Ġwann.
Huwa se jinġieb f’Malta sabiex jindifen fil-qabar tal-familja fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata f’Raħal Ġdid.