Il-Kavallier Malti fl-Ordni ta’ San Ġwann, Fra John Edward Critien inħatar Gran Prijur ta’ Ruma.
Fra John huwa wieħed miż-żewġ Kavallieri reliġjużi Maltin, u b’kollox madwar id-dinja hawn sebgħa u tletin Kavallier.
Tkellimna miegħu ftit wara li nħatar f’dan l-irwol fir-residenza fejn jgħix f’Sant’Anġlu fil-Birgu.
Huwa spjega magħna li fl-Ordni ta’ San Ġwann hemm sitt Gran Prijorat, li tlieta minnhom jinsabu fl-Italja, u t-tlieta l-oħra fl-Ingilterra, fir-Repubblika Ċeka, u fl-Awstrija.
F’intervista ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet spjega aktar dwar dan l-irwol amministrattiv fl-Ordni ta’ San Ġwann.
Qal, “ll-Priorat huwa diviżjoni territorjali tal-Ordni. Biex ikollok Gran Priorat irid ikollok ċertu numru ta’ Kavallieri, li ħadu voti reliġjużi fl-Ordni. Fejn m’hemmx numru suffiċjenti biex ikollok Gran Priorat ikollok Assoċjazzjoni Lokali.”
Huwa spjega li f’Malta hawn Assoċjazzjoni Nazzjonali, hekk kif m’hawnx biżżejjed persuni biex ikun iffurmat Gran Priorat. F’pajjiżna hawn madwar disgħin membru tal-Ordni, li jinkludu membri sekulari u anki Kapillani.
Dwar dan l-irwol il-ġdid, Fra John qal li ħa jagħmel ħiltu biex ikompli jsaħħaħ il-Priorat ta’ Ruma.
Qal, “Ovvjament dak li hu tajjeb jew naħseb li hu tajjeb mhux biss inkomplih, imma nsaħħu. Dak li ma naqbilx miegħu nipprova nsib mod li nimxu ’l quddiem skont il-kapitlu, skont il-fehma tiegħi u skont il-kapitlu tiegħi, taħt it-tmexxija tiegħi.”
Fl-intervista ma’ ONE News, Fra John spjega kif il-Gran Priorat ta’ Ruma jorganizza diversi attivitajiet.
Waqt il-pandemija organizza Soup Kitchen, biex jgħin lil dawk li ma kellhomx x’jieklu.
F’Settembru, l-Ordni ta’ Malta se torganizza pellegrinaġġ f’Assisi.
Tkellimna wkoll mal-Kavallier Malti dwar ir-riforma li għaddejja bħalissa fl-Ordni ta’ Malta fil-Karta Kostituzzjonali.
Wara li tkun lesta din ir-riforma, l-Ordni se tagħżel Gran Mastru ġdid, hekk kif din bħalissa tinsab bla Gran Mastru.
Qal, “Nispera li sal-aħħar tas-sena nispiċċaw din ir-riforma fuq il-Karta tal-Kodiċi u nistgħu naħtru Gran Mastru ġdid u nerġgħu nkomplu kif konna qabel.”