Il-katina ta’ lukandi ta’ fama dinjija, Hyatt Hotels, ħabbret li se tkun qed tiftaħ it-tieni lukanda tagħha f’pajjiżna, wara dik ta’ Baystreet, f’Paceville, li ġiet inawgurata tliet snin ilu.
It-tieni lukanda se tkun tikkonsisti f’160 kamra u ssegwi l-investiment ta’ ħamsa u erbgħin miljun ewro li l-kumpanija wettqet f’Ottubru tal-2020 meta fetħet il-bibien tagħha l-Lukanda Hyatt Regency, f’San Ġiljan. Din hi l-ewwel lukanda liċenzjata “5 Star Superior” f’pajjiżna.
Ħabbret dan il-gazzetta KullĦadd fil-ħareġ tagħha tal-lum, fejn ġie spjegat kif issa Hyatt Hotels qed tara li l-lukanda l-ġdida f’pajjiżna, li se tissemma Hyatt Centric Malta, tinbena b’kollaborazzjoni ma’ JUEL Hosptality Limited.
Fost il-faċilitajiet lussużi tagħha se jkollha pools fuq ġewwa u barra, dawk sportivi u aktar minn 4,300 metru kwadru ta’ spazju għal-laqgħat u l-konferenzi.
Għalkemm ma tħabbarx il-post eżatt fejn se tkun il-lukanda l-ġdida f’din il-katina lussuża mferrxa f’diversi bliet fl-Ewropa, ġie indikat li din se tkun ukoll fiż-żona ta’ Tas-Sliema jew San Ġiljan, b’distanza qasira mill-bajjiet pristini fl-akwati u 20 minuta mis-sbuħija unika tal-Belt Valletta, li hi sit tal-UNESCO.
Hyatt Centric Malta se tingħaqad fil-portfolio tal-kumpanija m’oħrajn fl-Ewropa, li jinkludu dawk f’Dublin, l-Irlanda, Cambridge fl-Ingilterra, Milan u Venezja fl-Italja, Madrid fi Spanja u Istanbul fit-Turkija.