Illejla l-katavru ta’ Pelin Kaya, it-Torka li tilfet ħajjitha meta ttajret minn karozza nhar l-Erbgħa kmieni filgħodu fl-Imsida, se jittieħed lura t-Turkija għad-difna.
Fit-Turkija, it-titjira operata mit-Turkish Airlines se ssib jistennewha lil ommha u missierha, li tant kienu devastati b’dak li ġara li ma felħux jiġu Malta.
Fi stqarrija l-familja ta’ Pelin irringrazzjat lill-awtoritajiet Maltin għall-koperazzjoni sħiħa tagħhom biex il-katavru tagħha seta’ jitwassal it-Turkija daqstant malajr.
Irringrazzjaw lill-Gvern talli daħal hu għall-ispejjeż relatati mal-funeral ta’ Kaya, li jinkludu t-twassil tagħha lejn it-Turkija.
Il-familja rringrazzjat ukoll lit-tim legali tagħha f’Malta, lill-konsulenti tagħha fit-Turkija, lill-Ambaxxata Maltija fit-Turkija, u lill-Ambaxxata Torka f’Malta.
L-istqarrija temmet tgħid li Pelin Kaya se tħalli lill-pajjiżna mejta, iżda l-fiduċja tal-familja li ssir ġustizzja tibqa’ ħajja.
B’rabta ma’ dan il-każ, quddiem il-Qorti, Jeremie Camilleri ġie mixli bl-omiċidju volontarju tal-vittma.