Wara li l-katavru ta’ Marzia Maatouk inġieb lura f’pajjiżna lbieraħ filgħaxija, wara ħafna sforzi mill-familja tagħha u trattattivi mill-Gvern Malti u kienu diġà saru l-arranġamenti biex isirilha l-funeral għada, l-affarijiet ħadu żvolta aktar kmieni llum.
Fil-fatt qraba tal-Maltija ta’ 26 sena kitbu fuq il-midja soċjali li l-funeral kellu jiġi sospiż minħabba li nfetħet inkjesta.
Hi kienet instabet mejta fil-Libja, wara li kienet maħruba mas-sieħeb tagħha, Jomic Calleja Maatouk, u nħareġ mandat internazzjonali għalihom.
Issa jirriżulta lil ONE News li l-inkjesta nfetħet bħala proċedura normali meta jkun hemm suspett li mewt ta’ Malti jew Maltija jkun riżultat ta’ omiċidju, anke jekk iseħħ f’pajjiż barrani. F’dan il-każ, l-inkjesta ma setgħetx tinfetaħ qabel il-katavru ta’ Marzia nġieb f’Malta.
Nhar l-24 ta’ Mejju, Maatouk instabet mejta fil-belt ta’ Gharyan mill-awtoritajiet Libjani u ftit wara ġie arrestat fil-viċinanzi s-sieħeb tagħha.
Minn dakinhar, l-Ambaxxata Maltija fil-Libja ssottomettiet it-talba tal-familja lill-Gvern Libjan biex il-katavru jkun jista’ jiġi rilaxxat u jinġieb f’Malta.
L-Ambaxxata wkoll kienet f’kuntatt kontinwu mal-familja tal-mara waqt li dawn kienu fil-Libja fl-aħħar jiem.