Disa’ xhur wara l-qtil brutali ta’ Lassana Cisse Souleymane, il-katavru tiegħu ġie rilaxxat għad-difna. Dan sabiex jkun jista’ jintbagħat lejn il-Kosta tal-Avorju sabiex jingħata l-aħħar tislima.
Il-pulizija qalet li ċ-ċertifikat tal-mewt tiegħu ġie ffirmat u għaldaqstant il-katavru tiegħu se jkun jista’ jintbagħat lura fil-ġimgħat li ġejjin.
Souleymane, ta’ 42 sena, inqatel fis-6 ta’ April li għadda b’tir ta’ arma tan-nar li ġie sparat minn ġo karozza fi Triq il-Ġebel f’Birżebbuġa waqt li kien qiegħed miexi għall-affari tiegħu lejn iċ-Ċentru tal-Immigranti f’Ħal Far. Kien għall-ħabta tal-11:00 ta’ filgħaxija l-pulizija ġew infurmati b’preżenza ta’ raġel mixħut fl-art.
Żewġ eks-suldati, Francesco Fenech ta’ 21 sena minn Wied il-Għajn u Lorin Scicluna ta’ 22 sena minn Raħal Ġdid ġew akkużati bi qtil tiegħu, f’dak li hu meqjus bħala l-ewwel qtil b’motivazzjoni razzjali. Huma ġew akkużati wkoll b’attentat ta’ qtil ieħor fuq żewġt irġiel oħra Ibrahim Bah u Mohammed Jallow f’inċident seperat ta’ hit-and-run.
Membru mill-komunità tal-Kosta tal-Avorju qal li kienu qegħdin isibuha ta’ sfida għalihom sabiex jiġbru flus biżżejjed sabiex jkunu jistgħu jibagħtu l-katavru tal-vittma lejn pajjiżu.
Fid-dawl ta’ dan, il-Knisja daħlet għall-parti mill-ispejjeż biex il-katavru ta’ Souleymane jintbagħat lura lejn pajjiżu biex ikun jista’ jingħata l-aħħar tislima.