Il-katavru ta’ Antoine Dalli se jkun rilaxxat għad-difna wara kważi tliet xhur.
Il-Maġistrat Marseanne Farrugia ħarġet din l-ordni, hekk kif għadha għaddejja l-kumpilazzjoni kontra missier il-vittma, Salvu Dalli, magħruf bħala d-Dangerman, li qed ikun akkużat b’dan l-omiċidju.
Il-każ kien seħħ f’Awwissu li għadda fid-dar tal-familja.
Dakinhar Antoine Dalli ta’ 37 sena kien instab bla ħajja fil-kamra tal-banju.
Il-każ se jkompli jinstema’ fis-7 ta’ Diċembru, fejn mistennija jixhdu aktar xhieda.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud.
L-Avukati Franco Debono, Francesca Zarb u Kathleen Grima qed jidhru għall-familja tal-vittma.