Testijiet tad-DNA kkonfermaw li l-katavru li nstab ġo bagoll f’karozza fil-Wied ta’ Ħal Qormi t-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra, huwa ta’ Mario Farrugia ta’ 62 sena minn Pembroke.
Stqarrija tal-Pulizija qalet dan.
Farrugia kien rrapportat nieqes u l-aħħar li deher kien fit-28 ta’ Marzu li għadda fl-akwati tar-residenza tiegħu u kien qiegħed jagħmel użu minn vettura Peugeot 407 ta’ lewn griż.
Din hija l-istess karozza li fiha Mario Farrugia nstab maqtul.
Testijiet forensiċi kellhom bżonn isiru wara li l-katavru nstab fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni u ma setax jiġi identifikat mill-ewwel.
ONE News kien żvela f’aħbar esklussiva li r-raġel li nstab mejjet kien qala’ madwar ħamsa u erbgħin daqqa ta’ sikkina, b’uħud minnhom huma daqqiet ħfief aktar f’forma ta’ grif iżda dawk fatali kienu daqqiet fil-qalb u l-pulmun.
Nifhmu li l-Pulizija kienet kważi ċerta li l-katavru kien ta’ Farrugia iżda t-testijiet tad-DNA issa taw iċ-ċans biex il-Pulizija tkompli tinvestiga dwar l-aħħar passi ta’ Farrugia biex tkun tista’ ssolvi dan l-omiċidju.
ONE News kien qal li l-Pulizija elevat numru ta’ filmati minn kameras tas-sigurtà sabiex tistabilixxi d-dinamika tal-każ u kif u meta l-karozza ġiet ipparkjata fi Triq il-Wied f’Ħal Qormi.
Jidher li l-karozza kienet ilha pparkjata f’Ħal Qormi għal madwar ħamest ijiem u s-sejba saret wara li bdiet tinxtamm riħa tinten mill-karozza.