Wara s-sejħa li xi ftit tal-ġimgħat ilu, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela għamlet biex tfal li jgħixu fid-djar residenzjali jiddisinjaw kartolina tal-Milied li se jibgħat il-Prim Ministru, ġew magħżula erba’ xogħlijiet fost sitta u sittin tpinġija.
Dr Lydia Abela, żaret il-wirja ta’ dawn is-sitta u sittin tpinġija li ġew esebiti ġewwa Spazju Kreattiv fil-Belt Valletta, fejn preżenti kien hemm wkoll l-mexxejja ta’ dawn id-dar residenzjali kif ukoll l-membri tal-Kunsill tal-Arti.
Christabel Catania, l-Assoċjat għal-Edukazzjoni u l-Iżvilupp fi ħdan il-Kunsill għall-Arti f’pajjiżna spjegatilna kif kienet diffiċli ħafna għall-kunsill biex jagħżlu erba’ xogħlijiet għaliex kull kartolina kellha s-sabiħ tagħha.
Hija spjegat: “Bdejna nħarsu lejn diversi fatturi, ħarisna lejn kemm it-tfal kienu kreattivi meta qabdu mat-tema tal-Milied, ħarisna lejn forsi xi teknika li ntużat, ir-riżorsi li ntużaw u speċjalment kemm kienu kreattivi u innovattivi.”
F’kummenti ma’ din l-kamra tal-aħbarjiet, Marilyn Aguis, ir-rappreżentanta tal-Djar Residenzjali għat-Tfal u iż-Żagħżagħ, spjegat kif l-inizjattiva ta’ mart il-Prim Ministru, Dr. Lydia Abela tat lil dan il-Milied xejra speċjali.
Hija stqarret: “Xi ħaġa sabiħa illi rajna hi li erġajna morna għas-sempliċità, morna għal vera tifsira tal-Milied. Jiġifieri mxejna ftit wkoll lil hinn mill-aspett materjalistiku li forsi aħna l-kbar ġieli nħaddnu f’dan iż-żmien u t-tfal tawna messaġġ li dak li vera huwa importanti huwa li nkunu magħqudin flimkien.”
Min-naħa tagħha Lydia Abela stqarret li dawn il-kartolini u l-messaġġ tagħhom jixhed dak kollu li għaddejja minnu id-dinja bħalissa u kif din l-inizjattiva wriet wkoll il-ħila tat-tfal.
Dr Abela saħqet: “Din l-inizjattiva kienet ta’ suċċess ‘il quddiem biex is-sena id-dieħla terġa’ issir, nirringrazzja minn qalbi l-mexxejja kollha tad-djar residenzjali u kull min ipparteċipa, lil Spazju Kreattiv, lill-Kunsill Malti tal-Arti, il-Kummissarju għat-tfal u l-fondazzjoni għall-Ħarsien tas-Servizzi Soċjali.”
Id-djar residenzjali minn fejn oriġinaw il-kartolini rebbieħa ħa jkunu qed jingħataw stedina għal staġun ta’ ŻiguŻajg kif wkoll materjal u lezzjonijiet tal-arti.