Tiftakruha l-karta antika tal-għaxar liri?
Fuqha kien hemm xena partikolari. Xena li tfakar f’98 sena ilu, meta erba’ Maltin ċarċru demmhom għall-inġustizzji li kien qed isofri l-poplu Malti taħt l-Ingliżi. Dan fl-avveniment tas-Sette Giugnio. Ftit wara l-ewwel gwerra dinjija, l-Ingliżi bdew ikeċċu n-nies mill-post tax-xogħol, għadd ta’ sensji ma naqasx l-għoli tal-ħajja. Sitwazzjoni li uriet biċ-ċar kemm filwaqt li l-klassi għolja kienet qed tgawdi, il-kumplament tal-poplu kien fl-għaks.
Nhar is-sebgħa ta’ Ġunju 1919 kellha tiltaqa l-Assemblea Nazzjonali biex titfassal l-Kostituzzjoni u jgħaddu lill-Gvern Ingliż. Kien f’dan il-mument li fil-Belt Valletta nġabret il-folla biex turi l-appoġġ tagħha. Il-folla tilfet il-kontroll meta f’ċertu ħwienet kien hemm tperper il-bandiera Ingliża. Kien hawn li daħlu fi ħwienet , fil-Bibjoteka, l-istamperija tal-gazzetta The Daily Malta Chronicle u attakkat imħazen tal-qamħ li dak iż-żmien il-prezz tiegħu kien qed jogħla.
Il-pulizija Maltija ma setgħetx tikkontrolla l-irvellijiet tal-Maltin. Kien hawn li ssejħet il-Pulizija Ingliża li fetħet in-nar fuq il-folla.
Wenzu Dyer, Guzeppi Bajada, Manwel Attard u Karmenu Abela, kienu l-vittmi tal-irvellijiet tas-Sette Giugno. Irvellijet ta’ sinifikat kbir li wera li l-Maltin riedu vuċi aħjar, u rispett minn min kien qed jaħkimhom u rispett lejn pajjiżhom.
Messaġġ li ma waqax f’widnejn torox, għaliex ftit wara l-Gvern Ingliż taha l-kostituzzjoni tal-elf disa’ mija wieħed u għoxrin, kostituzzjoni magħrufa bħala tas-self-government jew gvern responsabbli l-ewwel kostituzzjoni li tat leħen lil Maltin fid-deċiżjonijiet li jittieħdu għal pajjiżna. Għall-ewwel darba pajjiżna kellu Prim Ministru. Anke jekk kienet irtirata ftit wara, id-demm tal-erba’ Maltin fisser ix-xewqa li pajjiżna jieħu ir-riedni f’idejh u jibda jiddetermina hu d-destin tiegħu.