Il-karnival għas-sena d-dieħla se jkun bil-wisq differenti wara li fis-sajf li għadda tlift l-akbar ħabib li kelli bl-aktar mod traġiku.
Kliem Sean Curmi, wieħed mid-dilettanti tal-karnival fil-kumpanija Buffalo and Co li f’Awwissu li għadda nħasdet u bkiet it-telfa ta’ Jean Paul Bonnet ta’ 45 sena mill-Ħamrun magħruf bħala ċ-Chippy.
Jean Paul tilef ħajtu b’mod traġiku wara li ħa xokk elettriku waqt li kien qed jaħdem fuq il-karru għal-Karnival tas-Sajf f’Awwissu li għadda.
Sean Curmi stqarr ma’ ONE News li kien ser jaqbeż il-karnival tas-sena d-dieħla, iżda donnu ħass xi ħaġa tgħidlu sabiex ikompli u din is-sena jfakkar il-memorja ta’ sieħbu ċ-Chippy.
“Bħal ma jaf kulħadd għaddejna minn traġedja kerha, tlift l-akbar ħabib li kelli qisu ħija, kien jarma għall-karnival bi sħab miegħi, kont ser nieqaf mill-Karnival iżda qisu xi ħadd beda jgħidli miet sieħbek fl-aktar festa li kien iħobb ħa tieqaflu”
Fil-maħżen tal-Karnival fil-Marsa sibna lil diversi dilettanti tal-karnival li b’dieqa kbira iżda b’dedikazzjoni aktar mis-soltu kienu qed jaħdmu fuq l-istess karru li ħasad il-ħajja taċ-Chippy.
Iżda din is-sena l-karru ser ikun bil-wiqs differenti mis-soltu, bit-tema ewlenija tal-festa tradizzjonali Maltija, ser tkun il-figura taċ-Chippy liebes ta’ fratell jerfa’ l-vara, ħaġa li hu kien iffisat fuqha.
“Nagħmlu karru fuq il-festi tradizzjonali għax iċ-Chippy kien iħobb idur il-festi, kien jerfa’ fil-festa u kien iħobb il-karnival. U din is-sena ddeċidejna li nagħmlu karru fuqu”
Curmi qalilna li dan ix-xogħol fih rabta kbira. M’hemmx sajf u xitwa u anqas ħin mal-familja l-aktar f’dawn iż-żminijiet ta’ festi. Iżda jsostni li dan kollu jagħtihom sodisfazzjon kbir għax liċ-Chippy se jagħtuh it-tislima li tixraqlu.
“Dawn iż-żminijiet suppost bil-vaganzi nkunu imma aħna nibqgħu għaddejjin bix-xogħol fuq il-karru biex inlestuhulu u nagħtuh l-aħħar tislima”
Huwa temm jgħidilna li fil-maħżen tal-Karnival għadu jinħass sew in-nuqqas taċ-Chippy, iżda l-ispirtu ferrieħi tihom għadu jimlihom bil-kuraġġ.
“In-nuqqas tiegħu tħossu dejjem għax kien ferrieħi u kulħad jiċċajta miegħu, għalina għadu hawn magħna, għandna ritratt tiegħu, il-ħin kollu nsemmuh jiġifieri qisu għadu hawn għax għadni lanqas nemmen li ġrat din id-diżgrazzja.”