L-identità tal-vittma fil-każ tal-karozza bomba li seħħet dalgħodu fil-Marsa għad trid tkun stabbilità b’ċertezza, iżda imkejjen fil-pulizija kkonfermaw li l-karozza milquta hija ta’ persuna mill-Marsa li mal-Pulizija huwa magħruf sew.
Qed jingħad li l-vittma huwa Victor Calleja, magħruf bħala “iċ-Ċippy”, li għandu 61 sena.
Minkejja dan qalu li għad irid ikun stabbilit b’ċertezza kienx hu li qiegħed isuq. Xi ħaġa li f’każi bħal dawn ma tkunx ċara mill-ewwel minħabba l-ġrieħi li jkun sofra l-vittma.
Intant, stqarrija tal-Pulizija tgħid hekk:
Illum, għall-ħabta tat-tmienja u għaxra ta’ filgħodu, il-Pulizija ġiet infurmata li kienet għadha kemm seħħet splużjoni fi Triq Ħal Qormi, il-Marsa.
Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li allegatament seħħet splużjoni f’karozza tat-tip Opel Astra li f’dak il-ħin kienet qiegħda tinstaq minn raġel.
Ir-raġel, li s’issa l-identità tiegħu għadha mhux magħrufa, miet fuq il-post.
Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, membri tal-Explosive Ordnance Disposal tal-Forzi Armati ta’ Malta u ambulanza sabiex jassistu.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D Frendo Dimech LL.D li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
Bħalissa t-triq tinsab magħluqa għat-traffiku.
L-investigazzjonijiet immexxija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u l-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.