Sena ilu, il-Perit Reuben Abela sar wieħed mill-ftit Maltin li ddeċieda li jmur għal karozza li taħdem bid-dawl.
F’dawra li għamila mal-Perit Abela f’għadd ta’ toroq fiż-Żejtun, il-Perit qalilna li ma jiddispjaċih xejn mill-għażla li għamel.
Qalilna li bl-għażla li għamel mhux biss qed iħares l-ambjent, iżda qed jibqagħlu ħafna aktar flus fil-but.
Spjega li “l-idea li nnaqqas it-tniġġiż ambjentali minfejn ngħaddi, naħseb dik primarja, imbagħad għandek l-aspett ekonomiku, ta’ tifdil, li kieku tuża l-fossil fuel direttament għall-użu elettriku.”Il-Perit Abela xejjen il-perċezzjoni li karozza elettrika ma tiġrix daqs karozza normali.
Abela qal li “timxi l-istess ħaġa bħal karozza normali, anzi ttella l-ispeed iktar malajr minn karozza normali, allura triq issuq b’iktar kawtela.”
Spjega li min ikollu karozza elettrika, huwa ideali li jkollu garaxx bid-dawl fejn iħalliha tiċċarġja x’ħin ikun jixtieq.
Dan minħabba li fi kliemu, huwa ta’ inkonvenjent biex tiċċarġjaha ma’ charging points imferrxin ma’ Malta u Għawdex, minħabba li l-karozza ddum biex ittella’ l-batterija u l-units tad-dawl jiswew iktar.
Il-Perit Abela żied jgħid li n-nefqa biex iħaddimha qed tiġih inqas għax għandu l-panelli u l-uniku dispjaċir li għandu u li ma stenniex ftit aktar għax illum ma tħallas ebda taxxa ta’ reġistrazzjoni biex idaħħal karozza li taħdem bid-dawl.
Qal li minn informazzjon li ġabar tul is-sena li ilu b’dil-karozza, in-nefqa hija ta’ madwar erbgħa mitt ewro fis-sena waqt li n-nefqa fi fjuwil b’karozza li taħdem bil-petrol hija ta’ madwar elf ewro.
Huwa qal li karozza ġdida bid-dawl tiswa madwar €30,000, waqt li second hand tista’ tinkiseb b’madwar €10,000. Dan wara li tinqata’ r-rifużjoni mill-iskema tal-Gvern.
Il-Perit Abela żied jgħid li l-karozza fiha wkoll għadd ta’ żvantaġġi, fosthom li s-sewwieq ma jismax il-ħoss tal-magna bħal ta’ karozzi tradizzjonali.
Qal li dan jaf ikun ta’ periklu f’żoni urbani u s-sewwieq irid joqgħod iktar attent minħabba li min qed jimxi mhux dejjem jinduna bil-karozza.
Ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisika juru li issa hawn iktar minn 1,000 karozza ta’ dan it-tip fit-toroq Maltin.