Il-Karnival tas-Sajf, bil-brijju tradizzjonali u l-ilwien tipiċi tiegħu, se jirritorna fil-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar u Marsaskala bejn il-Ġimgħa 23 u l-Ħadd 25 ta’ Awwissu, b’kollaborazzjoni bejn l-aġenzija Festivals Malta u l-kunsilli lokali rispettivi.
Waqt li fl-ewwel jumejn l-Karnival tas-Sajf jiġi ċċelebrat fil-promenade ta’ Buġibba bi grand defilé, waqt li l-Ħadd, imbagħad, jiġi ċċelebrat mal-promenade ta’ Wied il-Għajn.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, iddeskriva l-Karnival tas-Sajf bħala avveniment li mhux biss joffri divertiment, iżda wkoll jagħti l-opportunità lill-pubbliku jesperjenza l-element tradizzjonali f’din il-festa ta’ lwien u brijju, bħall-karrijiet u ż-żfin.
Qal, “Din hi opportunità mhux biss għall-pubbliku Malti, imma anke għat-turisti li jżuruna, li jgawdu mis-sbuħija tal-Karnival.”
Frans Aguis, Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, f’kummenti li ta semma li dan huwa biss togħma minn-dak li jkun se jsir fil-karnival li jsir fi Frar.
Qal, “Karnival, attività kbira u sabiħa li se tkun qegħda tagħti togħma żgħira tal-kapaċitajiet tal-parteċipanti tagħna, minn dak li nkunu se naraw proprju fil-Karnival ta’ Malta fi Frar.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal kif id-dati ta’ dan l-avveniment huma maħsuba li jattiraw aktar turisti lejn Malta fl-eqqel tas-sajf.
Qal, “Il-ġimgħa ta’ Santa Marja nafu kemm pajjiżna jiġu turisti u allura d-dati ntagħżlu apposta biex matul il-Karnival tas-Sajf jirnexxielna nagħtu togħma żgħira ta’ dak li joffri l-Karnival ewlieni tagħna.”
Fl-aħħar, id-Direttur Artistiku tal-Karnival Malti, Jason Busuttil, għamel stedina lill-familji kollha biex jattendu din l-attività.
Qal, “Karrijiet, żfin, kostumi sbieħ, inħeġġu lin-nies jattendu, iħeġġu lit-tfal ukoll jilbsu l-kostumi, jingħaqdu magħna biex inkomplu niċċelebraw din il-festa sabiħa.”
Għal aktar tagħrif dwar l-avveniment, wieħed għandu jżur il-pjattaformi soċjali tal-Karnival ta’ Malta fuq Facebook jew Instagram.