Apparti Buġibba u Marsaskala, il-Karnival tas-sajf ta’ din is-sena se jkun qed isir ukoll f’Birżebbuġa.
Dan tħabbar il-Ħamis filgħodu, waqt it-tnedija tal-istess avveniment, li se jsir bejn it-23 u l-25 t’ Awwissu.
Annabelle Stivala, id-Direttur ta’ festivals Malta, spjegat kif f’Birżebbuġa se jkun hemm parata mat-toroq b’varjetà ta’ karrijiet dekorattivi akkumpanjati minn gruppi ta’ żeffiena.
Il-Karnival tas-Sajf se jibda f’Buġibba fit-23 t’ Awwissu filgħaxija bil-Gran Defilè, li jibda minn Dawret il-Gżejjer. Id-defilè tas-Sibt se jibda minn fejn il-lukanda Santana u jimxi lejn Islet Promenade, bil-qofol jintlaħaq fil-Pjazza ta’ Buġibba.
Fil-jum tas-Sibt ukoll, il-Karnival tas-Sajf se jkun f’Birżebbuġa, bil-parata tibda mill-venda tal-linja u timxi max-xatt tal-Bajja s-Sabiħa.
Biex imbagħad il-Ħadd, l-attivita ssir f’Marsaskala, fejn l-isfilata, li se jkollha s-sehem tal-Banda Sant’ Anna, se titlaq miż-Żonqor u timxi lejn iċ-ċentru ta’ Marsaskala.
Organizzat b’kollaborazzjoni ma’ diversi Kunsilli Lokali, il-parati tal-Karnival tas-Sajf huma kkaraterizzati minn 13-il karru, wieħed minnhom ġej minn Għawdex, u 5 skejjel taż-żfin.
Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici stqarr li avvenimenti bħall-Karnival tas-sajf jgħinu biex il-kalendarju kulturali lokali jkun imsaħħaħ matul ix-xhur sajfin.