Il-Karnival ta’ Malta, iċ-ċelebrazzjoni li ilha sseħħ fi gżiritna għal mijiet ta’ snin, ser terġa tkun iċċelebrata f’festa ta’ briju, kulur u tradizzjoni bi programm mimli daqs bajda b’attivitajiet għall-familja kollha. Din is-sena, id-dati uffiċjali tal-Karnival ser ikunu mid-9 sat-13 ta’ Frar 2024.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici tkellem fuq l-importanza tal-karnival fil-kalendarju kulturali tal-Maltin mhux biss mil-lat storiku u patrimonjali imma iktar importanti minn hekk fiż-żminijiet tal-lum bħala ċelebrazzjoni ħajja u kontemporanja. Huwa qal ukoll li l-Karnival ta’ Malta hu fih innifsu attrazzjoni għall-barranin li jżuruna waqt dan iż-żmien.
“Il-Karnival ta’ Malta 2024 ser ikun wieħed sinifikanti għall-ammont ta’ kumpaniji li se jieħdu sehem fil-Karnival, b’madwar 23 kumpanija li fih innifsu huwa numru li ilu ma jintlaħaq fil-Karnival ta’ Malta mit-tmeninijiet,” saħaq il-Ministru Bonnici waqt li ta ġieh lill-memorja ta’ Pawlu Curmi “il-Pampalun” li hu meqjus minn ħafna bħala l-missier tal-Karnival. Dan se jkun l-ewwel Karnival li se jittella’ wara mewtu.
Din is-sena, il-Karnival ta’ Malta mhux biss ser ikollu l-parati bil-karrijiet ta’ diversi temi li jżewqu lit-toroq tal-Belt Valletta u l-Floriana, imma wkoll ser jinkludi għadd ta’ avvenimenti oħrajn.
Ewlenija fost dawn l-avveniment hi l-Qarċilla, it-tradizzjoni tat-teatru tat-triq li kienet ipprattikata fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann u li din is-sena ser tagħlaq għaxar snin minn meta ingħatat il-ħajja mill-ġdid. Dan l-avveniment teatrali ser ikun varat fi Triq l-Ordinanza (biswit it-Teatru Rjal) b’xejn għall-pubbliku bid-direzzjoni u l-produzzjoni ta’ Joseph Galea u l-kitba ta’ Ċikku l-Poplu.
“Il-Karnival ta’ Malta għandu legat mill-aktar sinifikanti. B’dak li ser noffru lil pubbliku din is-sena, ser inkomplu nkabbru dan l-avveniment annwali tradizzjonali. Apparti ċċelebrazzjonijiet kbar li ser isiru fil-Belt Valletta u l-Furjana, din is-sena ser nifirxu l-Karnival fil-lokalita tal-Ħamrun u għall-ewwel darba fiż-Żurrieq. Permezz tal-Karnival qed ngħatu opportunità biex nesponu l-kapaċita u t-talent Malti fuq pjattaforma internazzjonali u ngħatu ġieħ mistħoqq li dawk li jaħdmu sena wara l-oħra biex il-Karnival ta’ pajjiżna ikun suċċess”, saħaq iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra.
Min-naħa tiegħu il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius tkellem dwar il-memorja ta’ Pawlu Curmi “il-Pampalun”, li kien wieħed min-nies li ta ħajtu lill-Karnival u dejjem spikka għall-karattru ċelebrattiv tiegħu. Is-Sur Agius qal: “Din is-sena, Festivals Malta bil-kollaborazzjoni ta’ Spazju Kreattiv u Heritage Malta, ser tkun qed itella’ wirja f’ġieħ il-Pampalun bl-isem ta’ ‘Pawlu Curmi ‘Il-Pampalun’: Il-Bniedem u l-Leġġenda’, li ser ssir fl-Atriju ta’ Spazju Kreattiv, u li qed tiġi kkurata mill-istoriku Mario Coleiro.”
Huwa spjega li l-legat li ħalla Pawlu Curmi hu aspett importanti ferm kemm għall-Karnival u t-tim tal-organizzattiv ta’ Festivals Malta u qal li ser ikun hemm ukoll dokumentarju mtella’ b’kollaborazzjoni ma’ Popolin li ser ikun qed jixxandar fuq TVM.
Tkellem ukoll id-Direttur Artistiku tal-Karnival ta’ Malta Jason Busuttil u qal li fuq livell ta’ movimenti u kuluri din is- sena hija rekord għall-kompetizzjonijiet taż-żfin fejn ser ikollna ‘l fuq minn 23 kumpanija b’kostumi u koreografiji mill-aqwa.
“Ukoll wara nuqqas ta’ 25 sena ser naraw il-banda tradizzjonali Maltija, il-banda bil-karru u grupp tal-allegrija flimkien kif konna narawhom 25 sena ilu. Dawn se jittellgħu l-ewwel fil-Ħamrun fl-4 ta’ Frar u mbad fil-Belt Valletta fl-10, il-11 u t-12 ta’ Frar”, qal is-Sur Busuttil. Huwa tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ l-inklużjoni u saħaq li l-kumitat organizzattiv ħa ħsieb li din is-sena jkun hemm żifna minn tfal u adulti bi bżonnijiet speċjali.
Għal aktar tagħrif dwar il-programm tal-Karnival ta’ Malta ta’ din is-sena u aktar, żuru s-sit www.festivals.mt/karnival jew il-mezzi soċjali tal-Karnival fuq Facebook jew Instagram.