L-organizzaturi tal-parata tal-karnival ta’ Rio de Janeiro pposponew b’mod indefinit iċ-ċelebrazzjonijiet li kienu mistennija jittellgħu fi Frar li ġej.
L-iskejjel tas-Samba li ssoltu jkunu involuti fil-parata kienu wissew li l-parata ma tistax tiġi organizzata qabel ma jiġi żviluppat vċċin.
Ta’ kull sena dan il-karnival jattira miljuni ta’ segwaċi iżda s-sena d-dieħla kemm il-parteċipanti kif ukoll is-segwaċi ser jibqgħu bil-għatx.
Il-president tal-kampjonat tas-Samba Liesa stqarr li l-iskejjel mhux se jkollhom biżżejjed ħin biex jippreparaw u jorganizzaw din l-attività ta’ skala kbira tant.
Hu qal ukoll li preżentament qed jaħsbu f’attività alternattiva li jistgħu jorganizzaw meta s-saħħa u s-sigurezza tal-pajjiż ma jkunux f’riskju kbir.
Minkejja dan, għadu mhux magħruf jekk il-festini u l-parati aktar żgħar li ssoltu jittellgħu fit-toroq Brażiljani humiex se jsiru.