- Żieda ta’ 25.2% fin-numru ta’ passiġġieri tkompli x-xejra ta’ tkabbir fix-xhur tax-xitwa
- 59,602 passiġġieri addizzjonali fuq is-sena li għaddiet, minkejja xahar iqsar
- Iż-żieda fit-traffiku mill-Italja, il-Ġermanja u l-Belġju riflessa f’aktar minn 35,000 passiġġier addizzjonali
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ 296,250 passiġġier fi Frar, li jfisser f’żieda notevoli ta’ 25.2% fin-numru ta’passiġġieri fuq l-istess perjodu fl-2016, minkejja li din is-sena x-xahar kien iqsar.L-aktar ġurnata impenjattiva għat-tim tal-ajruport ħabtet mal-Karnival u matulha għaddew mit-terminal xejn inqas minn 13,679 passiġġier.
Frar huwa r-raba’ xahar tax-xitwa konsekuttiv li esperjenza tkabbir b’żewġ ċifri, f’konformità mal-istrateġija tal-ajruport li jattira aktar traffiku fix-xhur tax-xitwa.
L-aqwa ħames swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kienu simili ħafna għal dawk ta’ Jannar, fejn ir-Renju Unit okkupa l-ewwel post segwit mill-Italja, il-Ġermanja, il-Belġju u Franza. Aktar minn nofs id-59,602 passiġġieri addizzjonali li waslu l-ajruport ix-xahar li għadda ġew mill-Italja, il-Ġermanja u l-Belġju; tliet swieq li esperjenzaw tkabbir wara li l-konnettività tagħhom ma’ Malta kienet imtejba.
Barra minn dawn il-ħames swieq, Spanja u l-Polonja wkoll kienu kontributuri importanti għat-traffiku totali ta’ Frar, bi 12,435 passiġġier u 8,253 passiġġier, rispettivament.
Barra minn żieda fil-passiġġieri, ilbieraħ l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar li kiseb it-tielet post minn fost erbgħa u tmenin ajruport Ewropew fl-istħarriġ Airport Service Quality għall-2016 ta’ Airports Council International.