Tfassal proġett soċjali sportiv li jiffoka fuq stil ta’ ħajja b’saħħitha permezz tal-volleyball. Il-proġett se jkun miftuħ għal tfal minn seba’ snin ’il fuq li joqogħdu f’Birkirkara u fl-inħawi tal-madwar.
Il-klabb tal-volleyball ta’ Birkirkara huwa impenjat li jara li l-logħba tal-volleyball tkun aċċessibbli għal kulħadd, anke għal persuni b’diżabilità, tant li din l-attività se tkun parti mill-European Week of Sports campaign#BeActive.
Il-proġett huwa possibbli permezz ta’ finanzjament mill-fond għall-proġetti għall-NGOs mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju u l-klabb tal-Volleyball ta’ Birkirkara, bi sħab mal-Kunsill Lokali u bl-appoġġ tal-Malta Volleyball Association.
Fl-aħħar sentejn il-gvern fetaħ żewġ ċentri tal-volontarjat, wieħed fil-Belt Valletta u ieħor fil-Qawra fejn qed ikun offrut spazju għall-NGOs biex dawn jiltaqgħu. Se jinfetaħ ċentru ieħor f’Marsaxlokk.
Il-proġett Volley4All mistenni jibqa’ sejjer sa April 2017.