Is-sena 1950 għal Birkirkara u l-Karkariżi tibqa’ mnaqqxa f’qalbhom. 75 sena ilu, kienet ittieħdet deċizjoni għaqlija li f’Birkirkara il-Kolleġġjata ingħatat id-dinjità ta’ Bażilika Minuri mill-Papa Piju XII. Il-Kapitlu ta’ dak iż-żmien iddeċieda li jaċċetta mingħand il-poplu Karkariż, oġġetti prezzjużi tad-deheb u ħaġar biex jibqgħu iżejnuha matul is-snin, biex jesprimu għal dejjem ir-rabta tal-Karkariżi ma’ Santa Liena.
Għal dan il-għan, qed tittella’ wirja bit-tema ‘Bil-Ħaġar u l-Ġawhar’ fil-Mużew tal-Kolleġġjata sabiex ikun apprezzat aktar mill-qrib ix-xogħol tad-deheb. Tiddomina hija l-Kuruna tad-deheb li tintlibes li Santa Liena mill-Prepostu fil-festa tas-Salib nhar it-3 ta’ Mejju u nhar il-festa titulari. Il-Kanonku Monsinjur Vinċenz Saliba kien il-Prokuratur tal-Veneranda Lampada tal-Knisja li ħa ħsieb li jinġabar id-deheb u l-proġett kollu.
Huwa dokumentat li kien inġabru diversi opri tad-deheb b’piż ta’ 84 uqija u madwar 150 lira sterlina.
Tkellimna ma’ Matthias Brimmer voluntier ħabrieki dwar din il-wirja fejn irrrakuntalna ir-rabta tal-Karkariżi viċin Santa Liena.
“Fatt interessanti għalkemm mhux dokumentat id-deheb mill-poplu Karkariż inġabar jingħad f’siegħa u nofs u ta’ min ukoll inżommu f’moħħna li dan ġara kollu wara l-gwerra. Nafu kemm il-gwerra ħalliet impatt ħażin ħafna fuq Malta u l-Karkariżi għalkemm kienu fi stat ta’ għaks irrikorew bi ħġarhom biex taw id-deheb tagħhom lil vara.”
MATTHIAS BRIMMER
Is-Salib Pettorali u r-Rużetta tal-fossa l-ħadra kienu ngħataw bħala għotja mill-Prepostu Monsinjur Alfons Borg. L-Imsielet taċ-Ċombini jintlibsu fil-Festa titulari filwaqt li dawk tal-filugranu fil-festa ta’ Santa Kruċ.
Il-Prepostu Attwali Monsinjur Louis Suban, spjegalna għaliex il-Karkariżi jgħożżu li Santa Liena iktar mid-deheb li hija mogħnija bihom.
“Id-deheb għalkemm huwa prezzjuż imma dak id-deheb li għandha fuqha il-vara huwa ir-Rabta tal-Karkariżi ma’din il-vara sabiha. L-ewwel darba li rawha iġġennu, u dejjem baqgħu jgħożżuha. Dan id-deheb kien rigal 75 sena ilu biex ikompli jsebbaħha, il-Kuruna li biha inkurunajniha Reġina ta’ Birkirkara, il-ħżiem li bih ningħaqdu magħha fil-ġranet tal-festa, is-sandli li jissinifika il-pellegrinaġġ li hija għamlet biex is-Salib ta’ Kristu. J’Alla il-Karkariżi jimxu bħalha, jimxu fuq il-passi tagħha biex isibu fis-salib, il-faraġ ta’ Kristu.”
MONSINJUR LOUIS SUBAN