“Habamus Papam”. Id-dinja Kattolika għandha Papa ġdid.
Il-ħin is-sitta u tmin minuti. Għajnejn id-diversi pellegrini fi Pjazza San Pietru kienu fuq iċ-ċumnija tal-Kappella Sistina fil-Vatikan u proprju jseħħ dak li kulħadd kien ilu jistenna – id-daħna l-bajda.
Il-133 kardinal, li kienu eliġibbli li jivvotaw, jaqblu fil-maġġoranza fuq il-Papa l-ġdid wara r-raba’ vot tagħhom fil-konklavi.
Id-duħħan abjad ntlaqa’ b’ċapċip u ferħ mill-ġemgħa kbira preżenti fi Pjazza San Pietru, b’ħafna minnhom ixejru wkoll il-bnadar ta’ pajjiżhom. Fost dawn kien hemm anke Maltin li perpru dik Maltija.
Rapporti internazzjonali stmaw li fi Pjazza San Pietru kien hemm aktar minn 45,000 persuna, waqt li miljuni kbar segwew permezz tad-diversi xandiriet mill-qawwa tal-midja internazzjonali preżenti, fosthom il-ġurnalist ta’ ONE News Stefan Bajada u l-cameraperson Alex Borg.
F’dan il-mument, il-qniepen fil-Vatikan bdew idoqqu b’qawwa, tant li l-ħoss inxtered madwar il-pjazza kollha.
Bosta minn dawk preżenti ddesrivew din l-esperjenza unika, waqt li l-frażi “Viva l-Papa” instemgħet tidwi f’kull rokna tal-pjazza.
Mill-gallarija prinċipali ħareġ il-Kardinal Dominique Mamberti biex wassal l-aħbar b’ferħ kbir li għandna Papa ġdid.
Bi tbissima fuq fommu, il-Kardinal Mamberti qal li l-Papa l-ġdid hu l-Kardinal Amerikan Robert Francis Prevost, waqt li l-isem li għażel biex juża tul il-Papat hu Papa Leone XIV.
L-Agostinjan, li għandu 69 sena, sar l-ewwel Amerikan li laħaq Kap tal-Knisja Kattolika Rumana.
Ftit tal-minuti wara, joħroġ fil-gallarija tal-Bażilika ta’ San Pietru l-Papa l-ġdid biex isellem lill-folla enormi u għadda l-ewwel indirizz tiegħu.
Fid-diskors tiegħu bit-Taljan, Prevost sellem “bil-paċi magħkom ilkoll”, l-ewwel tislima ta’ Kristu Rxoxt u li, fi kliemu, trid tasal għand kulħadd.
Hu wera umiltà u gratitudni, filwaqt li tenna impenn biex ikompli l-missjoni tal-Knisja b’fiduċja fil-Vanġelu u fl-imħabba t’Alla.
Filwaqt li rringrazzja lill-kardinali li għażluh bħala s-suċċessur ta’ San Pietru, qal li biħsiebu jimxi ma’ kulħadd u mal-poplu kollu ta’ Alla bħala Knisja waħda, magħqdua, li tfittex il-paċi, il-ġustizzja u l-fedeltà lejn Ġesù Kristu.
Fil-messaġġ tiegħu, fakkar fil-kuraġġ li wera l-Papa Franġisku u qal li l-predeċessur tiegħu kien Papa li bierek lil Ruma u lil kulħadd, kif għamel dakinhar ta’ Ħadd il-Għid.
