Il-Kardinal Għawdxi Mario Grech qed jitqies mis-sit Irlandiż The Irish Times bħala papabbli u allura jkun is-suċċessur tal-Papa Franġisku.
Dan ifisser li siti internazzjonali, Vatikanisti u analisti reliġjużi komplew jitfgħu għajnejhom fuq il-Kardinal Grech, li llum jgħodd is-66 sena, bħala kandidat ideali biex fil-Konklavi li jmiss, jiġi elett minn fost il-Kardinali u jieħu f’idejh it-tmun tal-Knisja Kattolika Rumana.
Mario Grech ħa l-fama fost l-ogħla membri fil-ġerarkija tal-Knisja minn meta fl-2019 l-istess Papa Franġisku ħatru bħala s-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, kariga ferm prominenti fil-Vatikan. Fl-istess waqt hu kien ħabbar li se jkun qed jieqaf minn Isqof tad-Djoċesi Għawdxija.
F’Ottubru ta’ sena wara, mill-gallerija tal-Palazz Appostoliku fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa Franġisku kien semma lil Mario Grech fil-lista ta’ saċerdoti li kienu se jiġu kkreati Kardinali fil-Konċistorju li kien imiss.
Dan l-aħħar xhur qed tqum aktar mis-soltu l-mistoqsija dwar liema mill-Kardinali hu l-aktar papabbli, hekk kif kull ma jmur saħħet il-Qdusija Tiegħu dejjem qed tmur lura.
Wara ż-żjara Appostolika f’Malta, Franġisku beda jidher fil-pubbliku fuq siġġu tar-roti, filwaqt li għal aktar minn darba ddaħħal l-isptar għall-kura, b’darba minnhom kellu jgħaddi minn operazzjoni tal-ftuq ta’ tliet sigħat. Minħabba saħħtu, ħassar ukoll iż-żjara li kellu jagħmel f’Dubaj fl-okkażjoni tas-summit tal-Ġnus Magħquda, il-COP28.
The Irish Times, b’artiklu bit-titlu ‘From Malta to Ghana’, innota kif Grech għandu l-esperjenza meħtieġa biex ikun is-Suċċessur ta’ Pietru, hekk kif hu familjari mal-istrutturi tal-Vatikan, serva fl-ogħla Tribunal tal-Knisja Kattolika magħruf bħala r-Roman Rota, u li għal 18-il sena kien Isqof ta’ Djoċesi. Is-sit innota wkoll li l-fatt li ġej minn pajjiż żgħir tgħin fl-għażla għall-Papa.
Kardinali oħrajn li jissemmew jinkludu lit-Taljan Matteo Zuppi, l-Arċisqof ta’ Bologna u li sal-2013 serva bħala s-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan. Il-Konservattiv Kardinal Ungeriż Peter Erdo wkoll jitqies papabbli. Isem li qed jissemma minn ħafna hu dak tal-Kardinal Afrikan, li ġej mill-Ghana, Peter Turkson, li għandu 75 sena. Filwaqt li l-Arċisqof Asjatiku ta’ Manila Luis Antonio Tagle ta’ 66 sena wkoll qiegħed fil-lista tal-favoriti.
Biex jiġi elett Papa, Kardinal ikun irid iġib l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Kardinali li għandhom dritt għall-vot fil-Konklavi.
Bħalissa l-Kulleġġ tal-Kardinali hu fformat minn 240, b’132 minnhom li huma Kardinali eletturi, jiġifieri jekk iseħħ Konklavi issa jkunu jistgħu jivvotaw u jeleġġu l-Papa li jmiss. Minn dawn, 108 għandhom aktar minn 80 sena u għalhekk m’għandhomx id-dritt tal-vot.
Minn dawn, 52 huma Ewropej, 17 mill-Amerika ta’ Fuq, ħamsa mill-Amerika Ċentrali, 16 mill-Amerika t’Isfel, 19 mill-kontinent Afrikan, 23 minn dak Ażjatiku u tlieta mill-Oċeanja.
Kif dejjem kienet in-norma, it-Taljani jifformaw l-akbar numru u bħalissa hemm 14-il Kardinali Taljan.