Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ fil-Berġa ta’ Kastilja lill-Eminenza Tiegħu Mario Grech fl-okkażjoni tal-kreazzjoni tiegħu bħala Kardinal.
Akkumpanjat minn martu Dr Lydia Abela, il-Prim Ministru fisser din l-okkażjoni bħala waħda ta’ ferħ, ta’ għaqda u ta’ kburija nazzjonali. Qal li l-Eminenza Tiegħu kien dejjem vuċi soda biex jagħti kuraġġ u joffri t-tama u biex jingħelbu l-preġudizzji ta’ madwarna fosthom għal dawk li jħossuhom iżolati.
Dr Abela qal li huwa ċert li l-elementi li sawru lil Mario Grech waqt ix-xogħol pastorali tiegħu bħala Isqof fil-komunità speċjalment dik Għawdxija, se jagħmlu d-differenza anke bħala Kardinal biex il-Knisja Kattolika tersaq iktar lejn in-nies u l-familji.
F’isem il-poplu u l-Gvern Malti, il-Prim Ministru awgura lill-Kardinal Grech ħidma fejjieda li se tkun qed tagħmel lil dan in-nazzjon iktar kburi milli diġà hu.
Il-Kardinal Grech kien milqugħ fil-Berġa ta’ Kastilja mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela.