Il-Papa Franġisku ħatar lill-Kardinal Malti Mario Grech bħala membru tad-Dikasteru għall-Isqfijiet, flimkien ma’ tlettax oħra, fosthom żewġ sorijiet u mara lajka li hi l-President tal-Unjoni Dinjija tal-Organizzazzjonijiet tan-Nisa Kattoliċi.
Dan tħabbar fil-Bullettin tas-Sala Stampa tas-Sante Sede.
Id-Dekasteru għall-Isqfijiet għandu sehem ewlieni fil-ħatra ta’ Isqfijiet ġodda għad-djoċesijiet madwar id-dinja, u jservi ta’ spalla fil-ħidma tagħhom.
Ftit tal-ġimgħat ilu, il-Kardinal Grech inħatar mill-Papa Franġisku bħala membru tal-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti.
Il-Kardinal Mario Grech, li bejn l-2005 u l-2020 serva bħala l-Isqof ta’ Għawdex, inħatar mill-Papa Franġisku bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet f’Settembru 2020 u ġie kkreat Kardinal f’Novembru ta’ wara.