F’intervista ma’ ONE News, ftit sigħat wara l-funeral tal-Papa Emeritu Benedittu XVI, il-Kardinal Malti Mario Grech qal il-Papa Emeritu, tul il-perjodu li għamel bħala Kap tal-Knisja Kattolika u anki wara, meta rtira, għallem lill-poplu ta’ Alla sabiex ifittex lill-Kristu.
“Kien Papa illi għallimna ħafna. Jien mhux se nogħqod ngħid, ‘Kien teologu għaref’. M’għandiex għalfejn inżid ma’ dak li ngħad ħafna. Pero, inżid xi ħaġa waħda: illi għallimna nfittxu lil Kristu. U għalhekk sabiħa dik l-aħħar sentenza li qal meta, jgħidu qabel ma’ miet, lissen dik il-frazi sabiħa: ‘Ġesu’, jiena nħobbok. Hekk, bħala Papa, għallimna ħafna.”
Il-Kardinal Malti sostna li l-Papa Benedittu kellu kuraġġ kbir meta rriżenja.
“Għalija r-riżenja tal-Papa Benedittu forsi hija l-aktar att amministrattiv, l-aktar deċiżjoni li hija importanti, u li biha għallimna, għax ħafna drabi aħna nibqgħu mwaħħlin mas-siġġu tagħna jiġifieri, imma Benedittu kellu din l-umiltà u dan l-għaqal illi qal, ‘S’hawn nista’ nasal’.”
Il-Kardinal Grech semma l-memorji li kellu mal-Papa Ġermaniż, li kien hu li nnominah sabiex ikun Isqof ta’ Għawdex.
Huwa rrakkonta wkoll meta Benedittu kien żar pajjiżna f’April tal-2010 u jirrakkonta x’kien ġara waqt il-quddiesa fuq il-Fosos, meta l-Papa Benedittu poġġa warda mal-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu.
“Inizjalment il-pjan kien li lili l-Papa jagħtini din l-imbierka warda biex jien neħodha lura Għawdex u, x’ħin ersaqt quddiemu, għidtlu, ‘Santità, il-Madonna qiegħda qrib, ta. Qalli, ‘Xi jfisser?’. Għidtlu, ‘Il-kwadru qiegħed hawn ħdejk’. Għidtlu, ‘Tridx immorru npoġġuhiela?’, u ħarbattilhom il-protokolli kollha, i,nsomma. Niftakar dakinhar in-Nunzju li kien hemm, Caputo, qalli, ‘X’inti tagħmel, Mario?’. Għidtlu, ‘M’jien nagħmel xejn’. ‘Għidtlu, ‘Il-Papa ried imur isellem lill-Madonna’, u dak kien għaliex il-Papa Benedittu poġġa hu stess il-warda fuq il-kwadru tal-Madonna.”
Il-Kardinal Grech irrakkonta li, meta għalaq 25 sena minn mindu kien ġie ordnat saċerdot, kellu x-xorti li jqatta’ kważi ġurnata mal-Papa Benedittu.
“Kelli l-possibilità illi ngħaddu ġurnata, kważi, ma’ Benedittu, jiġifieri niftakarni li qaddisna flimkien miegħu, imbagħad ħadna l-kafe u ma kienx biżżejjed, jiġifieri f’nofsinhar reġa’ stedinna sabiex kilna biċċa ħobż miegħu. Niftakar ikla sempliċi, hekk, imma, taf int, għalija kien l-ewwel darba li nkun qrib il-Papa.”
Il-Kardinal Grech jgħid li l-aħħar kuntatt li kellu mal-Papa Benedittu kien meta l-Papa Franġisku ħatru Kardinal, għax wara marru jiltaqgħu mal-Papa Emeritu.
Fl-intervista ma’ One News, il-Kardinal Grech irrakkonta xi ntqal ma’ Kardinal ieħor qabel il-funeral ta’ Benedittu XVI.
“Kien hemm Kardinal ħdejja li nafu. Għidtlu, ‘Isma’, hawnhekk hawn ħafna kardinali’. Konna xi 150. Għidtlu, ‘Ma nafhomx jien, ta. Jiġifieri għada, pitgħada, mhux kollha, imma ħafna minnhom irridu niltaqgħu meta jiġi nieqes il-Papa Franġisku u jkun hemm il-Konklavi’. U dak qalli, ‘Mario,’ – għax bl-Ingliż- ‘this is a dress rehearsal’. Jiġifieri biex inkunu nafu daqsxejn aħna min aħna.
Il-Papa Emeritu Benedittu XVI indifen fil-Kripta tal-Papiet taħt il-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, fl-istess post fejn kien indifen temporanjament il-predeċessur tiegħu, il-Papa Ġwanni Pawlu II.