L-Erbgħa filgħaxija l-Eminenza tiegħu, il-Kardinal Mario Grech qaddes l-ewwel ċelebrazzjoni solenni fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann bħala Kardinal.
Fl-Omelija tiegħu l-Kardinal Malti u Għawdxi qal li se jgħid lill-Qdusija tiegħu l-Papa Franġisku biex jiġi jżur lil Malta, għax il-poplu Malti u Għawdxi jinsab ħerqan biex jilqgħu fuq l-istess gżira li laqa’ lil missier il-fidi nisranija f’Malta, San Pawl.
Il-Papa Franġisku kellu jżur lil pajjiżna f’Mejju li għadda iżda minħabba li faqqgħet il-pandemija din kellha tiġi kkanċellata. Kien intqal ukoll kif fil-kuriduri tal-Vatikan hemm stennija pożittiva għal din iż-żjara f’Malta.
F’din il-quddiesa ta’ radd il-ħajr, Monsinjur Mario Grech akkumpanjat minn l-Arċisqof Malti Charles Scicluna u membri tal-kleru Malti semma t-tranżizzjoni li għandha tagħmel il-Knisja dinjija.
Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm preżenti wkoll l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella u l-Prim Minsitru Robert Abela u s-Sinjura Lydia Abela.